Illejla jkunu magħrufa żewġ timijiet li se jilagħbu fil-kwarti tal-finali taċ-Champions League hekk kif Manchester Utd jilagħbu kontra Sevilla u Roma jaffrontaw lil Shakhtar Donetsk.
Min jgħaddi minn dawn l-erbgħa jingħaqad ma’ Liverpool, Real Madrid, Manchester City u Juventus li bbukkjaw posthom mal-aħħar tmienja ġimgħa ilu.
F’Old Trafford Man Utd jilagħbu kontra Sevilla wara li l-ewwel leg fi Spanja ntemmet fi draw ta’ mingħajr gowls. Ir-Red Devils se jkollhom il-moral għoli wara li s-Sibt li għadda għelbu lir-rivali Liverpool 2-1 fil-kampjonat filwaqt li Sevilla se jkunu ġejjin minn telfa ta’ 2-0 f’darhom stess kontra Valencia.
Ħarsa lejn l-istatistika turi li Sevilla, li lagħbu tliet darbiet fil-fażi tal-aħħar 16, qatt ma għaddew għal mal-aħħar tmienja taċ-Champions League.
Biex jgħaddu għall-fażi li jmiss se jkollhom jirbħu kontra l-manager ta’ Man Utd, Jose Mourinho, li meta kien kowċ ta’ Real Madrid fi Spanja rebaħ sebgħa minn tmien konfronti kontrihom.
Fil-partita l-oħra Roma jilqgħu fl-Olimpico lit-tim Ukren ta’ Shakhtar Donetsk u jridu bilfors jirbħu biex jgħaddu wara li tilfu l-ewwel leg barra minn darhom bi skor ta’ 2-1.
Huma kienu qegħdin fil-vantaġġ b’gowl tas-solitu Under imma ma għarfux jiddefendu l-vantaġġ u gowls ta’ Ferreyra and Fred u dawwru r-riżultat favur Shakhtar.
Issa se jkollhom biċċa xogħol diffiċli biex jeliminaw lil Shakhtar Donetsk biex għall-ewwel darba f’dawn l-aħħar 10 snin jiksbu post mal-aħħar tmienja taċ-Champions League. Ħarsa lejn l-istatistika turi li Roma tilfu l-aħħar ħames partiti li lagħbu fil-fażi tal-aħħar 16 ta’ din il-kompetizzjoni.
Anke t-tim Ukren ma tantx għandu rekord pożittiv f’dan l-istadju, hekk kif minn tliet darbiet li lagħab fil-fażi tal-aħħar 16 ikkwalifika biss darba.
Ironikament, l-uniku darba li Shakhtar għaddew għal mal-aħħar tmienja kien meta fid-debutt tagħhom f’din il-fażi, jiġifieri fl-2011, kienu eliminaw lill-istess Roma b’aggregate ta’ 6-2.
It-tim ta’ Di Francesco jittama li jkompli minn fejn ħalla fi tmiem il-ġimgħa wara li dawn rebħu 3-0 f’partita tal-kampjonat kontra Torino.
Minn naħa tagħhom anke Shakhtar se jkunu ġejjin minn rebħa ta’ 3-0 miksuba kontra Vorskla.
Minbarra l-2011, Shakhtar u Roma kienu lagħbu kontra xulxin fil-fażi tal-gruppi ta’ din il-kompetizzjoni lura fl-2006. Fl-Ukrajna Shakhtar kienu ħarġu rebbieħa 1-0 filwaqt li Roma kienu ġabuhom fix-xejn meta fl-Italja kienu rebħulhom 4-0.
//= $special ?>