Il-faqar li kien jgħix fih Karmenu, anzjan mill-Floriana, qatt ma żammu milli jaħseb fl-annimali li tul ħajtu kienu jinġabru wara biebu jistennew biex jingħataw x’jieklu.
Karmenu, li għex kważi ħajtu kollha fi Triq l-Iljun fil-Floriana, miet madwar ġimgħatejn ilu. Imma l-qalb “ħelwa u umli” tiegħu messet qlub ta’ persuni oħra li wara mewtu, riedu jibqgħu jfakkru l-memorja tiegħu billi mal-bieb tad-dar tiegħu poġġew xemgħat, fjuri u messaġġi sbieħ.
Minkejja li qatt ma kien tat-tajjeb, anzi kien pjuttost fqir, Karmenu kien jitma’ lill-klieb u l-qtates tal-madwar mill-ftit li kien ikollu.
Karmena, li toqgħod ftit bibien ‘il bogħod, qaltilna li Karmenu kien raġel sew. “Kien ikellem u jgħin lil kulħadd. Il-Furjaniżi kienu jħobbuh”, qaltilna.
“Min għandu l-kariżma biex jgħin kreaturi bħal ma huma l-annimali, ara kemm iktar ikollu l-kariżma biex jgħin lill-għajru”
Peress li d-dar tiegħu tinsab eżatt quddiem l-uffiċini tal-Caritas (fil-Kurja tal-Arċisqof), mhux l-ewwel darba li Karmenu kien jiġi mistieden mill-membri tal-Caritas biex jingħaqad magħhom għal xi ikla sħuna jew kikkra kafè.
“Min għandu l-kariżma biex jgħin kreaturi bħal ma huma l-annimali, ara kemm iktar ikollu l-kariżma biex jgħin lill-għajru” qaltilna Marika Mizzi mill-Caritas. “Jekk tiċċaħħad int biex titma kelb, ara kemm għandek qalb kbira”, żiedet tgħidilna.
Filfatt, kienu xi kollegi tal-Caritas li lbieraħ, xtraw bukkett fjuri żejjed, u wara l-funeral ta’ Charles Miceli baqgħu sejrin ipoġġuh fuq it-tarġa tal-bieb ta’ Karmenu. Mal-fjuri, ħallew nota bil-kliem: “Raġel ta’ qalb ħelwa u umli”.
M’għaddiex wisq żmien qabel mal-bieb żdiedu aktar xemgħat u messaġġi – fosthom messaġġ bil-kliem: “Karattru ħelu, li kien jagħti kulur lil din in-naħa tal-Furjana. Għall-kuntlarju ta’ bosta, kien jagħti każ ħaddieħor”.
//= $special ?>