Il-Fondazzjoni HSBC Malta ppreżentat għotja ta’ aktar minn €15,000 lill-Università ta’ Malta. Din is-somma se tmur biex tiffinanzja riċerka innovattiva fil-qasam tat-trobbija tat-trabi hekk kif l-istruttura tas-soċjetà qed tinbidel fejn iż-żewġ ġenituri qed jippruvaw ilaħħqu dejjem aktar mal-karriera u l-ħajja personali tagħhom. Ir-riċerka tfittex li tifhem l-isfidi li koppji bi trabi jiffaċċjaw, b’mod speċjali waqt l-ewwel sena meta t-trabi jistgħu jkunu esiġenti ħafna.
Ir-riċerka qed issir minn Ingrid Grech Lanfranco taħt is-superviżjoni ta’ Prof Angela Abela mid-Dipartiment tal-Istudji tal-Familja, fil-Fakultà għall-Benesseri Soċjali tal-Università ta’ Malta, u ko-sorveljata mill-Professuri Carolyn Pape Cowan u Philip Cowan mill-Università ta’ Berkeley f’Kalifornia, l-Istati Uniti.
Ir-riċerkatura se teżamina kif il-ġenituri tat-trabi jistgħu jkollhom appoġġ matul dan l-istadju importanti taċ-ċiklu tal-ħajja tal-familja. Mindu beda l-istudju, it-tim ta’ riċerka kuljum żar il-Well Baby Clinics li jinsabu fil-Mosta, Raħal il-Ġdid, ir-Rabat, il-Furjana u Ħal Qormi rispettivament. Kwestjonarju mfassal apposta tqassam lill-ġenituri tat-trabi ta’ tmien xhur, li jżuru l-klinika għat-tieni darba wara t-twelid tat-tarbija.
Matul iċ-ċerimonja ta’ preżentazzjoni li saret fl-Università, il-Profs Abela qalet: “Is-sejbiet li joħorġu minn din ir-riċerka importanti, li tiffoka fuq intervent bikri, se joffru tagħrif għal politika bbażata fuq evidenza fir-rigward tat-trobbija u l-ħajja tal-familja.” Ir-Rettur tal-Università il-Prof Alfred Vella esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-kollaborazzjoni bejn l-Università ta’ Malta u l-Università prestiġjuża ta’ Berkeley f’Kalifornja. Hu rringrazzja ukoll lill-HSBC għall-appoġġ tiegħu.
Din hi t-tieni għotja finanzjarja li l-Fondazzjoni HSBC Malta għamlet f’inqas minn sena fil-qasam tar-riċerka medika. F’Settembru li għadda, ħabbret għotja ta’ €84,000 għal riċerka ġdida dwar it-trattament tal-kanċer. Dak l-istudju qed jitmexxa minn Dr Duncan Ayers miċ-Ċentru tal-Mediċina Molekulari u Biobanking tal-Università ta’ Malta. Iż-żewġ għotjiet intgħażlu wara li saret votazzjoni mill-membri kollha tal-istaff ta’ HSBC Malta.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ HSBC Malta Andrew Beane qal: “Ninsabu kuntenti li naħdmu mal-Università biex nesploraw kif il-politika soċjali trid tadatta ruħha għal dinja li dejjem qed tinbidel. Bħala fost l-aktar kumpaniji li jimpjegaw persuni f’Malta aħna impenjati li nħaddnu kultura flessibbli u moderna kif ukoll sett ta’ prattiċi tax-xogħol li jappoġġjaw ġenituri ġodda biex jiksbu bilanċ f’ħajjithom.”
Oriġinarjament imfassal minn Cowan & Cowan, il-programm tal-Ġenituri bħala Imsieħba jiffoka fuq ir-relazzjoni tal-koppja bħala ġenituri kif ukoll imsieħba u r-relazzjoni rispettiva tagħhom mat-tarbija tagħhom.
//= $special ?>