Lokali Parlament

Il-faqar u l-użura qed iwasslu għall-mard mentali

– Fredrick Azzopardi, PN

Id-deputat Nazzjonalista Fredrick Azzopardi qal li l-faqar, il-problemi soċjali u l-użura qed iwasslu għall-mard mentali fis-soċjetà Maltija.

Fil-parlament Fredrick Azzopardi qal li l-qasam tal-psikoterapija għandu jkun magħqud ma’ divesi setturi oħra fosthom l-edukazzjoni, ix-xogħol, is-settur soċjali u l-isport. Hu spjega kif il-mard mentali qed jiżdied minħabba l-istress fil-ħajja u qal li qed issir ukoll ħsara fuq il-moħħ minn diversi sustanzi.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-mard mentali jeffetwa bejn 2 u 3 fil-mija tal-populazzjoni fejn id-dipresssjoni u l-ansjetà qed jiżdiedu kontinwament. Sal-2025 id-dipressjoni se tkun l-aktar marda komuni fis-soċjetà u tiżboq mard ieħor fosthom id-dijabate u l-kanċer. Il-problemi finanzjarji huma raġuni ewlenija għall-problemi ta’ saħħa mentali.

Fredrick Azzopardi tkellem dwar il-mard mentali fuq tfal u adolexxenti u sostna li l-istudji għandhom ikomplu jsiru lil hinn mill-eta ta’ 18-il sena possibbilment sal-età ta’ 25 sena. Il-pajjiż għandu jinvesti f’servizz ta’ intervent kmieni u servizz immirat għal persuni li jirrikorru għal ħsara fuq ġisimhom.

Jirriżulta li l-aktar ħaddiema Ewropej li jirrapportaw stress kaġun tax-xogħol huma l-Maltin. Il-faqar ukoll iwassal għall-problemi u bħalissa fil-pajjiż hawn 80,000 persuna f’riskju ta’faqar. Problema oħra li tikkaġuna l-mard mentali hi l-użura, sostna d-deputat Nazzjonalista, li appella biex jitfassal pjan biex jitnaqqas il-faqar fil-pajjiż. Problemi oħra li jridu jkunu trattati huma l-akkomodazzjoni soċjali u l-impjiegi.

Fredrick Azzopardi qal li l-gvern u l-Oppożizzjoni għandhom jaħdmu flimkien għax is-saħħa mentali hi suġġett li tmur lil hinn mill-element partiġġjan.