Lokali Parlament

Il-Gvern responsabbli biex jissalvagwardja l-ambjent f’Wied Għomor

Id-deputat Nazzjonalista Kristy Debono insistiet fil-parlament li l-Gvern għandu jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu u jassigura li Wied Għomor ma jinqeridx għaliex dan hu l-uniku pulmun ambjentali fiż-żona.

Fl-Aġġornament Kristy Debono tkellemt dwar l-ambjent fis-Swieqi, San Ġwann u San Ġiljan u qalet li kien ta sodisfazzjon li l-applikazzjoni għal dar għall-anzjani f’Wied Għomor kienet rifjutata.

Dwar dan u favur din l-uniku żona miftuħa fil-lokalitajiet, inġabret petizzjoni ta’ iktar minn 5,000 persuna li kienet ppreżentata lill-Prim Ministru. Hi qalet li llum quddiem l-Awtorità tal-Ippajnar hemm 25 applikazzjoni li jvarjaw minn applikazzjonijiet ġustifikati fl-agrikoltura għal oħrajn li jekk jingħataw permess ikunu ta’ ħsara għall-ambjent f’Wied Għomor. Kien ta’ sodisfazzjon li l-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera espriema sodisfazzjon għad-deċiżjoni li Wied Għomor jingħata protezzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li minkejja dan, il-wied irid jistenna sena oħra għaliex il-ministru ma ppreżentax ir-rakkomandazzjoni tiegħu għall-protezzjoni. Hi staqsiet jekk dan kinx żball ġenwin u għalhekk pproponiet li l-applikazzjonijiet pendenti għadhom jiġu ffriżati sakemm il-wied kun dikjarat ta’ domanju pubbliku.

Kristy Debono qalet li hemm applikazzjoni li fi Triq il-Gejża s-Swieqi, li hi triq residenzjali, tinbena lukanda ta’ 88 kamra u servizzi oħra kummerċjali; żvilupp ta’ bejn 9 u 11-il sular. Dan jistona ferm fiż-żna u għalhekk l-Awtorità m’għandhiex tapprova din l-applikazzjoni.

Hi tkellmet ukoll dwar is-sigurtà fil-pajjiż, rriferiet għall-mewt ta’ Zak Meli f’Pacville u qalet li s-sigurtà fis-Swieqi, l-Imsida, Tas-Sliema Paceville u n-naħa t-isfel hi problema. Kristy Debono spjegat kif l-għases tal-pulizija qed ikunu bi ftit pulizija fihom u appellat biex kun hemm ferm iktar riżorsi għall-pulizija. Malta m’għadhiex dak il-pajjiż sigur li kienet 15-il sena ilu għaliex r-rata tal-kriminalità qed dejjem tiżdied.

Kristy Debono appellat biex ikunu installati iktar CCTV cameras f’postijiet kruċjali f’Paceville u biex il-gvern jinvesti iktar fil-pulizija biex ikun hemm iktar rondi fit-toroq.