Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea qed tanalizza kif tista’ tintroduċi liġijiet kontra l-iSLAPP

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans

L-MEP David Casa jilqa’ b’sodisfazzjon il-kummenti tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Timmermans

Il-Kummissjoni Ewropea qed tanalizza serjament kif tista’ tintroduċi liġijiet kontra dik li hi magħrufa bħala SLAPP – jiġifieri tattiċi li jużaw kumpaniji jew individwi kontra ġurnalisti investigattivi bil-għan li jwaqqfuhom milli jkomplu jikxfu fatti serji u ta’ interess pubbliku. Kien l-MEP David Casa flimkien ma’ MEPs minn gruppi politiċi oħra li fil-ġimgħat li għaddew talbu lill-Kummissjoni Ewropea biex tintroduċi dawn il-liġijiet li jiddefendu lill-ġurnalisti investigattivi u jwaqqfu l-abbużi minn min hu b’saħħtu finanzjarjament.

Waqt laqgħa tal-Kumitat għall-Libertajiet Ċivili, l-Ġustizzja u l-Intern ilbieraħ filgħaxija fi Strasburgu, l-MEP David Casa staqsa lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans dwar jekk hemmx żvilupp wara l-ittra li ntbagħtitlu bit-talba għal din il-liġi Ewropea, u f’isem il-Kummissjoni Ewropea, Frans Timmermans qal li qed tiġi analizzata l-possibilità – anke skont it-termini legali – li tiddaħħal din it-tip ta’ liġi fl-Unjoni Ewropea.

Fi stqarrija, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa qal li l-użu ta’ dawn il-prattiċi abbużivi jwasslu għal theddida serja għal-libertà tal-media u għalhekk għandhom jiġu indirizzati fuq libell tal-Unjoni Ewropea. “Hu inaċċettabbli li nħallu kumpaniji b’riżorsi bla limitu biex jintimidaw lill-media indipendenti b’kawżi f’ġurisdizzjonijiet barra l-Unjoni Ewropea,” sostna Casa.

Eżempju ta’ dawn it-tip ta’ kawżi huma dawk ta’ Pilatus Bank li rnexxielu jhedded lill-media Maltija b’kawżi li jiswew miljuni ta’ dollari fl-Istati Uniti biex ineħħu stejjer minn fuq is-siti tagħhom. Fil-fatt, infetaħ każ anke kontra l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia f’Arizona.

David Casa temm jgħid li fl-Unjoni Ewropea, għandna nkunu pijunieri biex nintroduċi liġijiet li jiproteġu lill-ġurnalisti indipendenti, u għalhekk ma nistgħux nibqgħu ngħalqu għajnejna.

David Casa fost MEPs li talbu l-Kummissjoni tiproteġi l-ġurnalisti indipendenti