Lokali

“Irridu nkunu revoluzzjonarji fil-proposti tagħna għas-settur marittimu”

Filmat aktar ‘l isfel

“Irridu nkunu revoluzzjonarji fil-proposti tagħna għas-settur marittimu”. Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fi tmiem żjara li għamel fil-Grand Harbour Marina fil-Birgu.

Akkumpanjat mill-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista Kristy Debono u Toni Bezzina, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ddawwar mal-marina mill-General Manager tal-Grand Harbour Marina Gordon Vassallo.

“Irridu nifhmu li Malta, minkejja l-kwalitajiet kollha tagħha, qed tikkompeti ma’ pajjiżi oħra li jridu jissuperawna. Għaldaqstant, mhux proposti biss irid ikollna, iżda proposti revoluzzjonarji biex Malta tibqa’ destinazzjoni ta’ eċċellenza f’dan il-qasam”, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Waqt iż-żjara tiegħu tul il-waterfront tal-Birgu, Adrian Delia daħal ukoll fil-ħwienet fejn iltaqa’ mal-impjeagti. Hu waqaf jitkellem ukoll ma’ xi nies li nzertaw kienu għaddejjin.

“Dan il-post huwa xhieda tal-potenzjal qawwi ta’ dak kollu li tista’ tkun Malta”, qal Adrian Delia, waqt li semma l-pożizzjoni ġeografika, il-baħar u t-temp. “Għandna l-abilità li nkunu destinazzjoni rikka li tiġbed turiżmu u investiment tal-għola kwalità”, żied jgħid.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li s-settur tal-yachts għandu jingħata l-ikbar importanza, għax jista’ jiġbed investiment li huwa serju u li jħalli impatt anke fuq setturi oħra tal-ekonomija.

Fost il-kwistjonijiet li tkellem dwarhom kien hemm l-importanza li pajjiżna jibqa’ front maqgħqud quddiem l-attakk riċenti fuq Malta fir-rigward tas-sistema li tirregola s-super yachts, bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jinsisti li nibqgħu nibżgħu għall-ġurisdizzjoni u r-reputazzjoni Maltija.

Fi tmiem iż-żjara, Adrian Delia qal li l-Grand Harbour Marina hija xhieda ċara daqs il-kristall tal-potenzjal ta’ Malta u l-mod kif pajjiżna jista’ jipproġetta ruħu bħala wieħed mill-aqwa fornituri ta’ dan it-tip ta’ servizz fid-dinja. “Jawgura tajjeb, però ma nistgħux nittraskuraw”, temm jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.