Illum fil-Qorti beda l-ġuri ta’ raġel akkużat bi traffikar ta’ nofs kilogramma droga eroina, liema każ ilu pendenti għal kważi 12-il sena. Kien fis-17 ta’ Awwissu tal-2007 meta l-akkużat, Herman McKay mill-Marsa kien inqabad waqt raid fi Triq is-Serkin fil-Marsa. Dakinhar, l-akkużat daħal jiġri fil-karozza u reġa ħareġ fejn xerred sustanza tul it-triq iżda l-pulizija kienet pronta u waqqfitu milli jxerred il-kontenut tat-tieni pakkett.
Minn testijiet forensiċi, irriżulta li s-sustanza kienet droga eroina li kienet 23% pura u l-valur tagħha kien stmat għal ftit inqas minn €25,000. Il-ġuri fil-konfront ta’ McKay kellu jibda erba’ snin ilu iżda żball proċedurali wassal biex jitħassar l-Att ta’ akkuża u l-proċeduri kellhom jerġgħu jibdew mill-ġdid.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Elaine Mercieca u Justine Cilia mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jassistu lill-akkużat. Il-ġuri qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Antonio Mizzi.
//= $special ?>