Lokali Parlament

Jingħata special leave imħallas biex jarma t-tined waqt il-kampanja elettorali  tal-Partit Laburista

Persuna li taħdem bħala supervisor fl-Impjant ta’ Sant’Antnin ingħata special leave imħallas minn madwar tliet ġimgħat qabel l-elezzjoni biex ikun jista’ jarma it-tined użati waqt l-attivitajiet politiċi tal-Partit Laburita fl-eqqel tal-aħħar kampanja elettorali.

Qal dan id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi waqt is-seduta tal-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi li ltaqgħet illejla.

Id-Deputat Jason Azzopardi qal li l-istess impjegat ingħata wkoll special leave imħallas għal tliet ġimgħat wara l-elezzjoni.

Din l-informazzjoni ħarġet waqt laqgħa tal-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi li matulu kienet qed tiġi diskussa t-talba tal-Oppożizzjoni għal investigazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-ingaġġ ta’ ħaddiema fil-Wasteserv bejn Jannar 2010 u Ġunju 2017 flimkien mat-talba tal-Membri tal-Gvern li l-perjodu taħt investigazzjoni jibda minn Jannar 2010.

Matul l-istess laqgħa waqt intervent mid-Deputat Beppe Fenech Adami ħareġ li bejn Diċembru 2012 u Diċembru 2013, li kienet l-aħħar sena ta’ Gvern Nazzjonalista, l-impjegati naqsu minn 418 għal 401. Għall-kuntrarju, bejn Diċembru 2016 u Diċembru 2017, is-sena tal-elezzjoni ġenerali, l-impjegati żdiedu bi 30% b’nofs il-ħaddiema ingaġġati jkunu mill-ewwel distrett.