Lokali

Jinqabdu 100kg kokaina f’ħidma konġunta bejn id-Dwana ta’ Malta u d-Dwana ta’ tliet pajjiżi oħra

Jitkisser ċirku ta’ kriminalita’ organizzata wara li f’Rijeka, fil-Kroazja, tinqabad konsenja ta’ 100 kilogramma droga kokaina wara ħidma konġunta bejn diversi servizzi ta’ Dwana fosthom id-dwana ta’ Malta. Fi stqarrija, id-Dwana ta’ Malta qalet li ħadmet mill-qrib mad-Dwana Franċiża, Spanjola u Kroata kif ukoll l-istess pulizija Kroata.

Għal numru ta’ ġimgħat, container mimli metall għall-iscrap, li kien fi triqtu mill-Panama lejn l-Ewropa, kien qiegħed jiġi osservat u hekk kif wasal fil-port ta’ Algeciras, fi Spanja, ittieħdet deċiżjoni li jinżamm sorveljanza stretta fuqu sakemm jasal Malta. Fil-waqfa qasira tiegħu f’Malta, id-Dwana Maltija, permezz tal-apparat ġdid tagħha, ħadet scan tal-container u irriżulta li kellhu partijiet ta’ interess minħabba kontenut li deher suspettuż.

Wara konsultazzjoni bejn il-partijiet, u minħabba li kien hemm interess kbir li jinqabdu r-riċevituri tal-kontenut, ġie deċiż li d-Dwana Maltija, tirrilaxxa l-container taħt sorveljanza stretta biex jitwassal intatt f’idejn id-Dwana Kroata. Fl-istess waqt, tkompli l-istqarrija, id-Dwana Maltija ħadet il-miżuri kollha neċessarji ta’ segretezza u sigurta’. Ritratti tal-iscans intbagħtu f’Rijeka.

Minn eżami fiżiku li sar fuq il-partijiet ta’ indikati mill-iscans li saru f’Malta instabu 100 kilogramma kokaina li kienu moħbija fi strutturi tal-ħadid. Fis-6 ta’ Marzu sar ir-rilaxx tal-container li baqa’ jiġi segwit sakemm il-Pulizija Kroata intervjeniet f’Zagreb. Dan wassal għall-arrest ta’ 10 persuni: 6 Kroati, Olandiż, Spanjol, Kolombjan u persuna mill-Bosnia-Herzegovina. L-investigazzjonijiet komplew jitwessgħu u issa anki daħlu l-Pulizija ta’ Slovenja, il-Ġermanja u l-Olanda.