Il-membri Repubblikani fuq panel tal-Kamra tar-Rappreżentanti f’Washington ma sabu l-ebda provi li l-attivisti li mexxew il-kampanja elettorali tal-President Amerikan Donald Trump ‘ħadmu id f’id mar-Russja’ fl-elezzjoni tal-2016 għall-Presidenza tal-Istati Uniti.
Mike Conaway, li mexxa l-inkjesta, qal li filwaqt li l-House Intelligence Committee qabel mal-aġenziji tas-servizzi sigrieti Amerikani li ‘Moska kienet indaħlet fl-elezzjoni’, ir-Repubblikani ma sabux provi li dan sar bil-għan ‘li l-elezzjoni ddur favur il-President Trump.’
L-inkjesta hi waħda minn diversi investigazzjonijiet li qed jindagaw allegazzjonijiet dwar indħil mir-Russja fl-elezzjoni Amerikana tal-2016. Fil-fatt, għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet mill-Uffiċjal Speċjali Robert Mueller u l-Intelligence Committee tas-Senat Amerikan.
Conaway, Repubblikan minn Texas, li mexxa l-investigazzjoni partikulari għal sena sħiħa, wassal il-messaġġ ‘li r-Russi tassew ħadu miżuri attivi kontra l-elezzjoni tal-2016 fl-Istati Uniti waqt li jistgħu jkomplu b’dan l-aġir fil-ġejjieni.’
Iżda hu enfasizza li l-panel ma sab l-ebda provi li l-kampanja ta’ Donald Trump jew ħaddieħor assoċjat magħha setgħu kooperaw b’mod illegali mar-Russja f’dan is-sens jew issieħbu mal-pajjiż f’xi forma ta’ kumplott biex iqarrqu b’ħaddieħor.
Din il-konlużjoni tmur kontra l-evalwazzjoni mis-servizzi sigrieti Amerikani li, is-sena l-oħra, sostnew li r-Russja, allegatament, indaħlet fl-elezzjoni tal-2016 ‘bil-għan li tgħin biex Trump jirbaħ il-Presidenza’. Min-naħa tagħha, Moska dejjem ċaħdet li qatt indaħlet fl-aħħar elezzjoni għall-Presidenza Amerikana.
//= $special ?>

