Internazzjonali

L-ISTATI UNITI: Tillerson imkeċċċi minn Segretarju tal-Istat…Jilħaq floku Mike Pompeo

Rex Tillerson

 

Il-President Amerikan, Donald Trump, keċċa lil Rex Tillerson minn Segretarju tal-Istat u poġġa floku lid-direttur tas-CIA, Mike Pompeo.

Tillerson, li hu eks-kap-eżekuttiv tal-ExxonMobil kien inħatar fil-kariga sena ilu biss u Trump, ilbieraħ, bagħat messaġġ fuq Twitter biex jirringrazzjah għas-servizzi lil pajjiżu. Trump qal ukoll li Pompeo għandu jwettaq ‘xogħol kbir’ bħala s-suċċessur ta’ Tillerson, waqt li innomina lil Gina Haspel bħala l-ewwel mara fil-kariga ta’ direttur tas-CIA.

Kelliema għall-White House li tkellmu dwar ‘it-theżżiża’ qalu li l-President Trump ried jaċċerta li jkollu ‘skwadra ġdida’ f’postha qabel it-taħditiet storiċi bejn l-Istati Uniti u l-Korea ta’ Fuq. Rex Tillerson, il-ġimgħa l-oħra, kien għaddej b’tour uffiċjali tal-Afrika meta deher li kien ‘inqabad fuq sieq waħda’ bl-aħbar ta’ Trump li kien qed iħejji għal taħditiet mal-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un.

Ma naqsu qatt ir-rapporti dwar ‘differenzi’ bejn il-President Trump u Rex Tillerson. Dan meta l-Istati Uniti qed tiffaċċja numru ta’ problemi kbar ‘il hinn minn artha – b’mod partikulari fil-konfront tal-Iran u l-Korea ta’ Fuq.

 

Intant, il-President Trump, ftit tal-jiem ilu, indika li ‘kien qed jaħseb għal xi bidliet fl-istaff tal-amministrazzjoni’ u llum jidher ċar li t-tneħħija ta’ Tillerson minn Segretarju tal-Istat kienet ilha qed tberren f’moħħu.