Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni tinsisti għal azzjonijiet immedjati f’Paceville

Arkivji
Il-Ministru Farrugia jgħid li l-kriminalita' f'Paceville naqset

Quddiem is-sitwazzjoni preżenti u problematika f’Paceville u wara l-mewt ta’ persuna oħra fl-aħħar ġranet, l-Oppożizzjoni qed tinsisti mal-Gvern li jieħu azzjonijiet u miżuri immedjati biex jikkontrolla s-sitwazzjoni perikoluża f’dan il-post ewlieni tad-divertiment f’Malta.

Dan l-appell tal-Oppożizzjoni sar mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u deputati oħrajn tal-Oppożizzjoni wara li d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne għamel stqarrija ministerjali dwar il-mewt taż-żagħżugħ Zach Meli.

Id-deputat Prim Ministru Chris Fearne esprima s-solidarjetà u l-kondoljanzi lill-familja ta’ Zach Meli ta’ 24 sena, li miet f’Paceville fil-11 ta’ Marzu 2018. Hu appella għall-prudenza minħabba li kif żviluppa l-każ fl-istorja hemm diversi punti suġġetti għall-inkjesta maġisterjali. Il-Ministru Fearne qal li f’inqas minn 24 siegħa, il-Pulizija ġabret l-evidenza u għamlet l-investigazzjonijiet dwar x’ġara.

Il-Pulizija arrestat Bulgaru, iżda s’issa l-awtopsja mhix tistabbilixxi l-kawża tal-mewt. Għalhekk il-Gvern se jistenna r-rapport aħħari tal-inkjesta. Il-Gvern qed ikun kontabbli b’din l-istqarrija, sostna l-Viċi Prim Ministru, li qal li dan hu l-ħin tar-responsabbiltà.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-Opożizzjoni mhux se tispekula jew tieħu gwadann politiku minn każ traġiku. Hu qal li l-Oppożizzjoni tesprimi s-solidarjetà mal-familja ta’ Zach Meli u tagħtiha appoġġ totali. Hemm diversi ċirkostanzi fil-pajjiż li qed jagħtu lok għal tħassib serju fejn is-sigurtà u l-kriminalità huma ta’ inkwiet kbir. Paceville hu zona fejn iż-żgħażagħ m’humiex f’post sigur.

Adiran Delia kompla li l-kriminalità qed tiżdied fejn il-ġenituri qed jibżgħu jħallu lit-tfal joħorġu minn djarhom fil-Marsa u f’Pacveille. Hu kompla li l-Gvern irid jikkommetti r-riżorsi kollha tiegħu biex il-kriminalità tkun ikkontrollata. Ma nistgħux nibqgħu fost l-ifqar fl-Ewropa fl-investiment fil-Pulizija. Il-Gvern irid jagħmel iktar u jinvesti iktar fil-Pulizija, fil-cameras, fis-sigurtà, fil-patrols, fit-taħriġ u fl-għodda.

Il-Kap tal-Oppożizjzoni kompla li din mhix dilemma partiġjana.

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li se jitkellem bħala ġenitur u appella lill-Gvern biex jiftaħ għajnejh li f’Paceville hemm sitwazzjoni ħażina ħafna bħal ta’ sentejn ilu, meta l-Oppożizzjoni għamlet 20 proposta għal titjib f’Pacveille. Din għandha tkun gwida għall-Gvern.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li Paceville hu l-post fejn ulied il-poplu se jerġgħu jkunu fi tmiem il-ġimgħa. Il-ġenituri m’għandhomx moħħhom mistrieħ li t-tfal imorru Paceville u ma jkunux stuprati, jew li ma jaqilgħux daqqiet ta’ sikkina. Il-liġi kkollassat totalment b’toroq magħluqin, imwejjed f’nofs it-triq u tfal taħt l-età fis-sakra. It-tfal taħt l-età qed jidħlu fil-postijiet fejn mhux suppost; qisu xejn mhu xejn.

Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar semma l-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan u staqsa jekk il-Pulizija humiex jiltaqgħu mal-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan kif titlob il-liġi. Hu qal li l-Pulizija tat-turisti spiċċaw bil-Gvern jixxaħħaħ dwar is-sigurtà, inkluż fix-xiri ta’ karrozzi adegwati tal-Pulizija.

Id-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil qal li ż-żgħażagħ li jmorru Paceville ikunu esposti għal inċidenti u ġlied li jista’ jinqala’, inkluż alkoħol u vizzji oħra. Hu staqsa kemm ikun hemm pulizija f’Paceville f’kull ħin biex jieħdu ħsieb il-post, b’hekk żdied dan in-numru fl-aħħar ħin u jekk dawn il-pulizija li jkunu esposti wkoll għall-periklu jingħatawx taħriġ biex jagħmlu r-ronda f’Paceville.
Id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech qal li dan kien tmiem il-ġimgħa traġiku wara li tilfet ħajjitha t-tfajla żagħżugħa f’inċident tat-traffiku. Hu staqsa fiex wasal il-proġett li f’Diċembru 2017, il-Gvern ħabbar li beda ta’ CCTV fuq Paceville kollu. Claudio Grech sostna li fl-aħħar ġimgħat u xhur kien hawn żieda sostanzjali ta’ każi influwenzati mid-droga sintetika. Din hi problema li qed timpatta lill-Isptar Monte Carmeli. Hu staqsa jekk il-Gvern hux se jieħu miżuri iktar qawwija.

Id-deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone staqsa jekk il-Gvern jipprovdix servizz tal-ewwel għajnuna f’Paceville u kemm hu n-numru ta’ paramediċi fuq il-post.

Id-deputat Nazzjonalista Mario de Marco qal li l-problemi f’Pacveille qed jikbru mhux jonqsu, li llum saret zona ta’ 24 siegħa fil-ġimgħa. Hu staqsa jekk il-Gvern iħossx li wasal iż-żmien li jittieħdu miżuri konkreti għal Paceville bi pjan konkret. Paceville m’għandux ikun ikkunsidrat bħala estensjoni ta’ San Ġiljan.

Id-deputat Prim Ministru Chris Fearne wieġeb li l-kriminalità f’Paceville qed tonqos, għaliex fl-2012 kien hemm 3,000 każ, u s-sena li għaddiet kien hemm 1,800 każ, li xorta huma ħafna. Hu qal li fl-aħħar xhur, il-Gvern għadda avviżi legali fejn numru ta’ sustanzi sintetiċi kienu fuq is-suq. F’Paceville hemm stazzjonijiet tal-ewwel għajnuna, sostna Chris Fearne.

Il-Ministru tal-Intern Michael Farrugia qal li fl-aħħar erba’ snin, il-kriminalità baqgħet l-istess, iżda għall-ammont ta’ persuni li hawn fil-pajjiż din naqset. Dwar Paceville huwa qal li fl-2012 kien hemm 3,051 att kriminali f’Pacevielle u San Ġiljan, li niżlu għal 1,810 każi s-sena li għaddiet. F’San Ġiljan bejn l-2012 u l-2017 naqsu l-atti kriminali serji, waqt li fl-2016 u l-2017 naqset il-kriminalità kollha f’Pacveille u San Ġiljan b’madwar 550 każ, ħlief għad-droga u t-traffikar tal-persuni.

Dwar il-preżenza tal-pulizija, il-Ministru tal-Intern qal li fl-2012, il-Pulizija kienu ddettaljati biex fi tmiem il-ġimgħa jkun hemm numru ta’ pulizija disponibbli – minn 12 sa 15-il pulizija. Min-Novembru 2015 żdiedu l-patrols f’Pacveille sal-Ħamis, waqt li fi tmiem il-ġimgħa żdiedu għal 20 pulizija. Minn Ġunju 2017 sa wara l-Milied, bejn it-Tnejn u l-Ħamis kien ikun hemm 20 pulizija, waqt li fi tmiem il-ġimgħa, in-numru kien jitla’ għal 30 pulizija. Minn wara l-festi, in-numru tal-pulizija preżenti kien ivarja minn 12 għal 25. Dan l-ammont jiżdied tul is-sajf. Minbarra dawn il-pulizija, f’Paceville ikun hemm ir-ronda tal-RIU u vann b’sitt persuni mill-Ispecial Interventiton Unit.

Il-Ministru tal-Intern qal li fi tmiem il-ġimgħa jkun hemm vettura tal-Protezzjoni Ċivili b’erba’ persuni tal-Protezzjoni Ċivili. Huwa sostna li qed isiru interventi mill-Pulizija fil-Marsa u qed ikun intensifikat ix-xogħol fil-Qawra u Buġibba. Dwar is-CCTV huwa qal li dawn għenu lill-pulizija biex jidentifikaw x’ġara u jieħdu l-passi meħtieġa. Is-CCTV wasslu biex jissolvew diversi każi kriminali f’Pacveille, sostna l-Ministru tal-Intern, li qal li s-sitwazzjoni llum hi aħjar milli kienet qabel.

Ikkummenta