Il-Gvern tas-Slovakkja jista’ jinsab viċin li jikkrolla meta rrankat il-kriżi politika fil-pajjiż wara l-qtil ta’ ġurnalista li kien qed jinvestiga r-rabtiet bejn il-mafja u l-amministrazzjoni tal-Prim Ministru Slovakk, Robert Fico.
Il-Partit Most-Hind li hu membru fil-koalizzjoni ta’ Fico insista biex fis-Slovakkja jsiru elezzjonijiet bikrija biex itaffu xi ftit mill-kriżi. Dan meta l-poplu qed ikompli jesprimi rabja kbira għall-indikazzjonijiet ċari ta’ korruzzjoni istituzzjonalizzata fl-ogħla tmexxija tal-pajjiż.
Jekk kemm il-darba Fico, politiku tax-xellug u l-Kap tal-Partit Soċjalista Smer, ma jipperswadix lill-Most-Hid biex ikompli fi ħdan il-Gvern, is-Slovakkja tista’ ma jkollhiex triq oħra ħlief tħejji għal elezzjonijiet bikrija li kapaċi jtemmu l-dominju ta’ Fico fix-xena politika lokali li ilu għal għaxar snin.
Dan meta ma naqsitx il-kundanna għall-qtil tal-ġurnalista Jan Kuciak u t-tfajla tiegħu, Martina Kusnirova, li kienu nstabu maqtula b’tiri ta’ arma ġo appartament fil-limiti ta’ Bratislava. Qabel inqatel, Kuciak kien qed iħejji rapport iddettaljat dwar il-konnessjonijiet bejn il-Mafja Taljana u persuni viċin ħafna tal-Prim Ministru Fico.
Il-Ministru tal-Intern Slovakk, Robert Kalinak, fil-bidu tal-ġimgħa irriżenja minn Ministru għall-Intern fuq l-insistenza tal-Most-Hind u wara dimostrazzjonijiet kbar pubbliċi kontra tiegħu. Kalinak, alleat kbira ta’ Robert Fico u t-tieni l-aktar uffiċjal influwenti fil-Partit Smer kien ilu mira tal-Oppożizzjoni u l-poplu minħabba r-rabtiet mill-qrib man-negozjanti kontroversjali.
Il-partiti tal-Oppożizzjoni, fil-fatt, qalu li Kalinak ma setax ikun fdat biex jinvestiga l-qtil ‘stil mafjuż’ tal-ġurnalista Kuciak.
//= $special ?>

