Il-Gvern Britanniku qed jagħti ċans sa nofsillejl tal-lejla biex il-Gvern Russu jagħti spjegazzjoni kif kimika li hi magħmula fir-Russja intużat f’attakk fuq eks aġent sigriet Russu u bintu fuq art Ingliża il-Ħadd li għadda.
Sergei Skripal ta’ 66 sena u bintu Yulia ta’ 33 instabu mitlufa minn sensiehom fuq bank fiċ-ċentru ta’ Salisbury. Huma jinsabu rikoverati l-Isptar f’qagħda kritika imma stabbli. Is-Surġent Nick Bailey, li ta l-ewwel għajnuna fuq il-post, ukoll kien affetwat mill-kimika. Il-kundizzjoni tiegħu kienet deskritta bħala serja iżda f’dawn l-aħħar siegħat kien f’sensieh u kellem lil membri tal-familja.
Fil-House of Commons, il-PM Theresa May qalet li l-kimika użata fl-attakk hi magħrufa bħala Novichok u kienet żviluppata fir-Russja għal użu militari. “Jew dan l-attakk kienet azzjoni diretta mill-istat Russu kontra pajjiżna jew il-Gvern Russu tilef il-kontroll tal-ħażna tiegħu ta’ dawn il-kimiċi u ħalliehom jaqgħu f’idejn ħaddieħor”, qalet il-Prim Ministru Ingliż u kompliet li l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin sejjaħ għall-Ambaxxatur Russu f’Londra biex jispjega liema waħda minn dawn iż-żewġ possibilitajiet fil-fatt seħħet.
Hi wissiet li jekk ma jkunx hemm “tweġiba kredibbli” sa nofsillejl tal-lejla, ir-Renju Unit se jikkonkludi li sar użu illegali tal-forza minn Moska u se jieħu dik li sejħet bħala “miżuri iżjed estensivi” fil-konfront tar-Russja.
Theresa May qalet li dan l-avvelenament kien attakk bl-addoċċ kontra r-Renju Unit li poġġa l-ħajja ta’ ċivili innoċenti f’periklu.
F’kuntatt bit-telefon mas-Segretarju tal-Affarijiet Barranin Boris Johnson, is-Segretarju tal-Istat Amerikan Rex Tillerson qal li l-Istati Uniti taqbel mal-konklużjonijiet tar-Renju Unit li r-Russja x’aktarx kienet responsabbli għal dan l-attakk.
Kelliema għall-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Russu qalet li d-diskors ta’ May fil-Parlament kien “wirja taċ-ċirklu fejn il-konklużjoni kienet ovvja. Dik ta’ kampanja politika u ta’ informazzjoni ibbażata fuq il-provokazzjoni.”
//= $special ?>