Għal sena oħra, l-akbar tellieqa fil-kalendarju tat-tiġrijiet taż-żwiemel se ssir bejn dan ix-xahar u April, f’dik li hi l-84 sena mill-ewwel edizzjoni. L-edizzjoni ta’ din is-sena tat-Tazza l-Kbira tnediet uffiċjalment f’konferenza stampa.
L-aqwa 76 żiemel f’Malta se jkunu qed jipparteċipaw f’sitt heats il-Ħadd 25 ta’ Marzu, bl-aqwa sitt iżwiemel f’kull heat jipparteċipaw fi tliet semifinali li se jsiru fit-8 ta’ April. L-ewwel erbat iżwiemel li jidħlu, jgħaddu għall-finali tat-Tazza l-Kbira fit-22 ta’ April. It-tiġrijiet kollha huma kontestati fuq distanza tradizzjonali ta’ 2640 metru.
Il-President tal-Malta Racing Club Edwin Borg qal li t-Tazza l-Kbira saret l-ewwel darba fl-1934 u hi l-akbar unur tat-tlielaq tat-trott f’Malta, bl-aqwa żwiemel u l-aqwa premijiet. “L-edizzjoni ta’ din is-sena tinkludi biss żwiemel mill-klassi Premier li ġejjin minn erba’ pajjiżi differenti, fosthom 12-il debuttant,” qal Borg. Il-President qal li meta l-finalisti jkunu magħrufa s-sidien taż-żwiemel stess se jtellgħu n-numri tat-tluq tagħhom għall-finali.
Is-Segretarju Tommy Cunningham ikkonferma li se jkun hemm total ta’ 76 żiemel li jipparteċipaw li hu żieda ta’ erbat iżwiemel. Dan sar minħabba li l-għadd ta’ żwiemel fl-ogħla kategorija u wħud mis-sidien importaw żwiemel apposta għal din il-kompetizzjoni. B’hekk kellha ssir bidla fir-rawnds ta’ kwalifikazzjoni. Cunningham qal ukoll li biex jiġi aċċertat l-aqwa kundizzjoni tat-tlielaq, il-Kunsill iddeċieda li jagħmel manteniment fuq il-wiċċ tal-korsa.
Il-Kunsill tal-Malta Racing Club iddeċieda li l-premju fi flus kellu jirrifletti l-importanza ta’ din it-tellieqa u għalhekk se jkun l-akbar premju tal-istaġun, b’żieda ta’ €1,600 għal total ta’ €6,550 bir-rebbieħ jirċievi €3,500.
//= $special ?>