Matul is-sena li għaddiet f’pajjiżna saru 304 ċikli ta’ IVF, 229 minn dawn iċ-ċikli saru fl-Isptar Mater Dei filwaqt li 75 ċiklu saru fis-settur privat. Dan kien possibbli grazzi għall-bażi soda li tat il-liġi li kien fassal l-aħħar Gvern Nazzjonalista.
Din l-informazzjoni ħarġet mir-Rapport Annwali tal-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun, li tpoġġa’ fuq il-Mejda tal-Kamra lbieraħ.
Dawn it-304 ċikli wasslu għal 66 tqala, 21.71%. Minn dawn, 12-il mara sofrew korriment, 22 kellhom tarbija filwaqt li 32 għadhom qed jistennew tarbija.
Matul l-2017 twieldu 48 tarbija, 24 bniet u 24 subien minn ċikli li saru fl-2016 (April sa Novembru). B’hekk, it-total ta’ trabi bl-IVF minn ċikli li saru fl-2016 kien ta’ 62, 29 bniet u ta’ 33 subien. It-take-home baby rate għall-2016 kienet ta’ 20.15%.
Dawn ir-rati jikkumparaw tajjeb ħafna meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra Ewropej, u huma turija ta’ kemm din il-liġi tal-IVF qed tħalli l-frott.
Minn ċikli li saru fl-2017 diġà twieldu 28 tarbija, 13-il tifel u 15-il tifla. Mistennija jitwieldu 36 tarbija oħra minn ċikli li saru fl-2017 biex b’hekk it-total ta’ trabi li jkunu twieldu b’ċikli ta’ IVF li saru matul l-2017 mistenni jkun ta’ 64 tarbija.
//= $special ?>