Il-Kummissjoni Ewropea qablet formalment dwar mekkaniżmu konkret li jagħmel monitoraġġ biex iċ-ċittadini Ewropej ikollhom garanzija li l-ħarsien tal-liġi, ir-rule of law, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali qed jiġu mħarsa f’kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Dan il-qbil jgħid ukoll li dan il-mekkaniżmu għandu jidħol fis-seħħ sal-aħħar tas-sena. Dan tħabbar mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans, wara pressjoni kbira mill-Parlament Ewropew, b’mod partikolari mill-MEP Roberta Metsola, biex il-Kummissjoni Ewropea taġixxi wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia f’Malta u dan ix-xahar il-qtil ta’ Jan Kuciak fis-Slovakkja.
L-MEP Maltija Roberta Metsola kienet waħda mill-MEPs li saħħqet li jsir dan il-pass wara li ħadet rwol attiv f’dan id-dibattitu fuq livell Ewropew.
Fi stqarrija, Roberta Metsola qalet: “Ninsab sodisfatta li l-Kummissjoni Ewropea se taġixxi. Irridu li d-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej ikunu mħarsa u jkun jkun hemm l-għodda biex dawn jiġu protetti. Dan hu pass kbir ‘il quddiem, u hu fid-direzzjoni li ilna ninsistu dwarha. Permezz ta’ dan il-mekkaniżmu, kull Stat Membru se jkun qed isirlu l-istess livell ta’ skrutinju. Hi bidla kbira fil-mod kif l-Unjoni Ewropea tipproteġi d-drittijiet tan-nies. Dan il-mekkaniżmu jfisser ukoll li Gvernijiet li jirrealizzaw li rebħa elettorali ma tagħtihomx bieb miftuħ biex jagħmlu li jridu. Se nagħtu lill-Ewropa l-għodda biex taġixxi. Se noħolqu livell wieħed fost l-istati membri. Dan ifisser ukoll li sal-aħħar ta’ din is-sena, se nkunu qed naraw azzjoni konkreta.”
Waqt li kienet qed tieħu sehem f’dibattitu mal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Timmermans fi Strasburgu, l-MEP Roberta Metsola qalet: “Mekkaniżmu fuq livell Ewropew li jipproteġi d-demokrazija, is-saltna tad-dritt u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini kollha Ewropej hu essenzjali. Qed nistennew il-proposta tal-Kummissjoni – li tista’ tieħu l-forma ta’ analiżi annwali b’rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-istati membri. Tkun tista’ tgħaqqad flimkien sensiela ta’ rapporti b’kunsiderazzjonijiet partikolari għal kull pajjiż. M’aħniex interessati li mmorru wara xi pajjiż jew ieħor, imma rridu nbiddlu s-sistema kollha.”
//= $special ?>