Il-viżjoni fit-tul fejn jidħol żvilupp, l-art pubblika u l-problema tal-kirjiet għoljin kienu tlett punti diskussi waqt laqgħa li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kellu mal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin, l-MDA.
Il-laqgħa saret fuq stedina tal-Partit Nazzjonalista lill-MDA u għaliha kien hemm preżenti wkoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli, u x-Shadow Minister għall-Ippjanar u s-suq tal-Propjeta’ Marthese Portelli.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li rridu naraw għalfejn il-kirjiet tal-propjeta’ għolew daqshekk u x’ jista’ jsir. Qal anke li rridu nibżgħu għall-art pubblika hekk kif hu fatt li minnha ma tantx għandna. Hawn sostna li l-gvern ikun min ikun hu obbligat li jiżen l-aħjar użu għall-art pubblika.
Saħaq anke kif f’dan l-aspett il-gvern m’għandux jikkompeti mal-privat. Iżda fuq kollox matul il-laqgħa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li fejn jidħol is-settur tal-kostruzzjoni hemm bżonn li naħsbu aktar fit-tul f’dik li hi viżjoni għal dan is-settur li jimpjega mas-37,000.
Minn naħa tiegħu l-President tal-MDA Sandro Chetcuti qal li jekk mhux se nkunu sensittivi għall-ambjent se nitilfuh. Dan filwaqt li ammetta li f’pajjiżna għandna żvilupp żejjed. Sandro Chetcuti qal li jaqbel mal-Kap tal-Oppożizzjoni li rridu nibdew nippjanaw aħjar għliex inkella hemm jibdew jinħolqu l-kontroversji.
//= $special ?>