Il-Partit Nazzjonalista irid jieħu ħsieb ukoll lil dawk in-negozji żgħar u medji li qed ibigħu anqas minn oħrajn, anke biex inkunu ċerti li l-ekonomija tkun sejra tajjeb għal kulħadd.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fi tmiem il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-SMEPN, il-Fergħa fi ħdan il-Partit Nazzjonalista għas-self-employed u n-negozji żgħar u medji.
Adrian Delia qal li l-Partit irid jibqa’ jżomm quddiem għajnejh il-problemi tan-nies, kif ukoll li jkun il-leħen tal-SMEs.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna l-impenn tal-Partit li jippreżenta ideat ħalli l-ekonomija Maltija tkun tirrifletti l-isfidi internazzjonali. B’hekk biss, sostna Adrian Delia, inkunu nistgħu naraw li ħadd ma jibqa’ lura.
Hu appella wkoll lill-SMEs biex jirrikonoxxu l-kompetizzjoni li dejjem qed tikber, fost oħrajn anke b’xiri minn fuq l-internet, u filwaqt li appellalhom biex ma jaqtgħux qalbhom, għandhom jaraw li jdawwru l-isfidi f’opportunitajiet.
Il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-SMEPN kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Self-Employed Edwin Vassallo.