Lokali

“Il-poplu jixraqlu tmexxija denja” – Il-Kap tal-PN Adrian Delia

“Meta l-poplu kellu tmexxija denja jien qatt ma ħassejt li kelli noħroġ għall-politika. Imma llum aktar minn qatt qabel nħoss li għandi nagħmel dan bl-aħjar mod possibbli għaliex il-poplu jixraqlu ferm aħjar mill-gvern preżenti”

Saħaq dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni Adrian Delia hekk kif kien il-mistieden tal-programm Iswed fuq l-Abjad ippreżentat minn Frank Psaila.

Fost is-suġġetti diskussa kien hemm dak tal-pensjonijiet u li qabel jiżdiedu l-pensjonijiet ta’ min jirrapreżenta l-poplu għandna nżidu dik tan-nies. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li wara li sema’ lill-poplu, il-Partit Nazzjonalista ddeċieda li jitolbu lill-Gvern biex jissospendi l-liġi tal-pensjoni tal-Membri Parlamentari li kienu servew għal darba biss. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kompla billi qal li mill-Oppożizzjoni l-Partit Nazzjonalista jrid itejjeb il-ħajja tan-nies. Hawn hu għamel appell lill-poplu.

Kwistjoni oħra diskussa waqt il-programm Iswed fuq l-Abjad kienet il-kriminalita’ f’pajjiżna. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li l-ewwel irridu nirrikonoxxu l-problema u inutli li l-gvern ikompli jiċħad li m’għandniex din il-problema f’pajjiżna li qed tkompli tiżdied. Kien hawn fejn Adrian Delia semma’ li pajjiżna hu fost l-ifqar fejn jidħol investiment fil-Korp tal-Pulizija. Qal anke li rridu nibdew noqogħdu attenti dwar min jidħol f’pajjiżna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien mistoqsi anke dwar il-problema tal-kirjiet esagerati f’pajjiżna. Hawn semma’ kif dawk f’xifer il-faqar f’pajjiżna telgħu għal 85,000 persuna. Dwar it-traffiku, pjaga oħra f’pajjiżna, Adrian Delia qal li nibdew nippjanaw għall-futur. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li l-gvern irid iġiegħel lill-poplu jaħseb li dawn il-problemi ma jeżistux f’pajjiżna.

Mistoqsi dwar is-sitwazzjoni tal-Għawdxin u s-servizz tas-saħħa, il-Kap tal-Oppozizzjoni Adrian Delia qal li hu tal-mistħija u skandaluż li l-unika sptar għall-Għawdxin spiċċa biex ingħadda lill-privat bid-dettalji tal-kuntratt għadna sal-ġurnata tal-llum ma nafux x’inhuma.

Fi tmiem l-intervista l-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni Adrain Delia ħabbar li fil-25 ta’ dan ix-xahar il-partit nazzjonalista se jorganizza maratona. Hu qal li jinsab konvint li se tkun maratona oħra ta’ suċċess.