Lokali Parlament

L-Ispeaker iċanfar lil Ian Borg biex ma jitfax kliem f’ħalq il-Kap tal-Oppożizzjoni

F’ruling li ta l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia, hu ċanfar lill-Ministru Ian Borg biex ma jikkwotax ħazin lill-Kap tal-Oppożizzjoni

F’ruling li ta l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia, il-Ministru Ian Borg inqabad jitfa’ l-kliem f’ħalq il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, tant li l-Ministru ġie mċanfar mis-sedja. Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius talab lis-Sedja tal-Parlament, wara li qagħdu jerġgħu jisimgħu dak li ntqal mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, biex il-Ministru Laburista Ian Borg jirtira l-kliem li qal.

Filfatt il-ħsieb tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien li jinkludi kemm żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-21  sena, li fil-fatt diġa’ kellhom trasport pubbliku b’xejn, kif ukoll dawk ta’ inqas minn 16-il sena.

Wara li l-Ministru baqa’ jinsisti, David Agius irrisponda billi stqarr li l-Ministru huwa skorett, għax ma kkwotax lill-Kap tal-Oppożizzjoni tajjeb.

Fl-aħħar, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia fir-ruling tiegħu qal li l-Ministru Ian Borg ma interpretax dak li ntqal mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia b’mod preċiż – fejn l-Ispeaker tenna li ma kien hemm ebda dubju tal-eta’ li hu ried ifisser.

Fid-deċiżjoni tiegħu, l-Ispeaker qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni ma qalx li dawk iż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-21 sena diġa’ kellhom dritt għal trasport b’xejn. Għaldaqstant, fil-konklużjoni tal-ispjegazzjoni tar-ruling, is-Sedja qalet li r-referenza magħmula mill-Ministru Ian Borg ma kenitx waħda preċiża.