Lokali

Proposta inaċċettabbli biex terġa’ tinbena lukanda f’ODZ f’Delimara

Għada l-Awtorità tal-Ippjanar se tkun qed tiddeċiedi d-destin ta’ zona rurali li tinsab fil-ponta tan-Nofsinhar ta’ Malta fl-inħawi magħrufin bħala Ta’ Kalanka f’Delimara fejn qed jiġi propost il-bini mill-ġdid ta’ lukanda abbandunata fuq art ODZ u fil-viċin ħafna ta’ diversi siti li huma protetti.

Lejliet il-laqgħa tal-bord tal-ippjanar li se ssir għada filgħodu, u li matulha se tittieħed deċiżjoni finali fuq l-Applikazzjoni bin-numru PA/02767/16 għal “Żvilupp mill-ġdid ta’ lukanda abbandunata li jikkonsisti fit-twaqqigħ tal-bini eżistenti, il-kostruzzjoni ta’ lukanda ġdida u t-titjib tal-partijiet esterni fil-footprint eżistenti, fosthom miżuri favur l-ambjent,” BirdLife Malta, Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA) u Nature Trust-FEE qed isejħu lill-bord tal-ippjanar fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar biex jirrifjuta l-permess.

It-tliet eNGOs huma tal-fehma li din il-proposta biex f’dan is-sit terġa’ tiġi żviluppata lukanda hija inaċċettabbli għal diversi raġunijiet, u t-tlieta li huma diġà ressqu t-tħassib ambjentali tagħhom dwar dan l-iżvilupp. BirdLife Malta kienet ressqet sottomissjonijiet bl-ilmenti tagħha fuq dan il-każ fi tliet okkażjonijiet separati f’Ġunju 2016 fl-istadju tal-Project Development Statement (PDS), fi Frar 2017 fl-istadju tal-Environmental Planning Statement (EPS) u aktar riċenti f’Lulju 2017 (meta kien ippubblikat EPS rivedut). Min-naħa tagħha Nature Trust-FEE wkoll kienet issottomettiet il-kummenti tagħha f’Novembru 2016 (fl-istadju tal-PDS) u f’Lulju 2017 (fl-istadju tal-EPS).

Minkejja f’dan, ġie spjegat l-abbozz finali xorta jqanqal tħassib f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħarsien tal-ambjent naturali minħabba diversi kwistjonijiet li baqgħu ma ġewx indirizzati bis-serjetà.

Dan hekk kid saħqu li l-iżvilupp li l-introduzzjoni ta’ lukanda li qed tiġi reklamata bħala xi forma ta’ akkomodazzjoni għall-ekoturiżmu f’din il-parti mhux mimsusa ta’ Malta se tbiddel għalkollox l-istat naturali tal-inħawi u sfortunatament tiftaħ il-bibien għal aktar żvilupp f’dik li suppost hija zona ODZ.

Insistew li jekk tkun approvata, din l-applikazzjoni tkompli tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-ftit ambjent naturali li għad fadal, u dan għal darba oħra biex isir qligħ ekonomiku short-term għad-detriment tal-poplu Malti.

L-iżvilupp ta’ lukanda li qed ikun propost fl-istess sit tal-fdalijiet ta’ lukanda oħra li kienet għalqet fis-snin tmenin iżid il-footprint tal-bini eżistenti b’561 metru kwadru, waqt li medda oħra ta’ 480 metru kwadru se tkun koperta minn terrazzi u swimming pool għal footprint totali ta’ 1,050 metru kwadru li jinkludi sular addizzjonali. Dan huwa bi ksur ċar tar-regolamenti fil-policy nazzjonali għall-iżvilupp f’ODZ (Rural Policy and Design Guidance, 2014) apparti li se jwassal ukoll biex jintilfu art u ħamrija li se jispiċċaw midruba taħt dan l-iżvilupp.

Fi stqarrija ġie spjegat li l-Pjan Lokali għall-Bajja ta’ Marsaxlokk kien jaħseb biex din iz-zona tinbidel f’Park Nazzjonali għal Delimara fejn il-prijorità kellha tingħata lill-konservazzjoni, il-ħarsien u t-titjib tal-patrimonju naturali. Dan, però, baqa’ qatt ma seħħ. Il-proposta li din iz-zona tiġi żviluppata tmur kontra l-isforzi kollha li saru biex is-sit jiġi protett u jiġu mħarsa l-wirt naturali u kulturali li hemm f’dawn l-inħawi.

Dan filwaqt li insistew li l-iżvilupp tal-lukanda jkun ifisser ukoll żieda fl-attività umana mir-residenti tal-lukanda u dawk li jagħmlu użu mill-faċilitajiet turistiċi tal-baħar li se jinħolqu fl-inħawi u dan se jfixkel u jikkawża dannu lill-ħabitati u l-ħajja fis-selvaġġ jekk ma jittiħdux il-miżuri adegwati biex jilqgħu għal dawn il-fatturi, xi ħaġa li s’issa għadha nieqsa mill-proposti. Tħassib ambjentali ieħor li ma ġiex indirizzat kif suppost fl-Istudju dwar l-Impatt Ambjentali (EIA) huwa dak marbut maż-żieda fit-traffiku (kemm fil-fażi ta’ kostruzzjoni u anke meta l-proġett ikun lest) li twassal għal tniġġis tal-arja sinifikanti, emissjonijiet tat-trab u impatt mill-ħsejjes. L-NGOs huma mħassba wkoll li l-pubbliku li se jkun qed juża dawn l-inħawi għall-għawm mhux se jkollu aċċess għal parkeġġ adegwat.

Fl-istess ħin saħqu li l-faċilitajiet għall-parkeġġ tar-roti qishom ġew minsija għalkollox f’din il-lukanda li suppost għandha miżuri favur l-ambjent.

L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) insistiet li jitnaqqas sew id-daqs ta’ dan l-iżvilupp b’mod li jiġi mħares il-karattru rurali tal-inħawi kostali li jdawru dan is-sit. Ir-rakkomandazzjoni tagħha, madanakollu, waqgħet fuq widnejn torox, bil-case officer tal-Awtorità tal-Ippjanar jinjora t-tħassib leġittimu li tqajjem f’dan il-każ u minflok, jirrakkomanda li l-iżvilupp jiġi approvat.