Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Se nkunu b’saħħitna fid-difiża tas-sistema tat-taxxa Maltija – Casa u Metsola

L-MEPs tal-Partit Nazzjonalista David Casa u Roberta Metsola ntgħażlu bħala membri fil-Kumitat speċjali dwar attivitajiet kriminali finanzjarji, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, magħruf bħala TAXE3.

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, l-MEP David Casa se jkun membru sħiħ tal-Kumitat, u Roberta Metsola se tkun sostituta fuq l-istess Kumitat. TAXE3 twaqqaf mill-Parlament Ewropew biex ikompli fuq il-ħidma tal-Kumitat PANA li ffoka fuq l-iskandlu tal-Panama Papers, li wkoll l-MEPs David Casa u Roberta Metsola kienu membri fuqu.

L-MEP David Casa qal: “Is-sistema ta’ Malta hi konformi mal-OECD u approvata mill-Kummissjoni Ewropea. Għal dawn l-aħħar 14-il sena, jiena kont konsistenti fid-difiża tas-sovranità tat-taxxa Maltija, u se nirdoppja l-isforzi tiegħi issa li din tinsab taħt il-lenti.

Irridu wkoll inkunu viġilanti fl-interpretazzjoni tar-regoli tal-VAT dwar kif dawn jiġu applikati fl-industrija tal-jottijiet. Il-pożizzjoni attwali tal-Kummissjoni Ewropea dwar din it-tema hi diskriminatorja. Malta għandha każ b’saħħtu u jrid ikun preżentat b’mod effettiv.

Hi sfortuna li l-kredibilità tagħha meta nitkellmu fuq is-saħħa tal-awtoritajiet regolatorji u ta’ superviżjjoni tiġi mtappna minħabba persuni mabruta ma’ kriminalità fl-ogħla livelli tal-Gvern Malti, kif ukoll istituzzjonijiet liċenzjati bħal Pilatus Bank u Nexia BT li jibqa’ jkollhom liċenzja biex joffru servizzi fl-Unjoni Ewropea minkejja provi ċari li jimplikawhom f’attività kriminali. Aktar ma jdumu biex jiġu indirizzati dawn l-affarijiet, aktar se tkun diffiċli biex jiġu salvagwardjati d-drittijiet u l-pożizzjoni ta’ Malta.”

L-MEP Roberta Metsola qalet: “Hu importanti li l-vuċi ta’ Malta tissemma’ f’dan il-Kumitat, u hu għalhekk li d-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista se tkun rappreżentata. L-għan tagħna f’dan il-Kumitat hu li nkomplu nibnu fuq il-ħidma li għamilna sa issa fil-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja, waqt li niproteġu l-interessi ta’ Malta u niddefendu s-sovranità tagħna fis-sistema tat-taxxa.

L-ekonomija tagħna hi mibnija fuq politika tat-tassazzjoni kompetittiva, li tmur lura qabel is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, u se nibqgħu niddefendu d-drittijiet tagħna f’dan ir-rigward, kemm jekk nimbuttaw lura lil min irid ipenġina bħala tax haven, kif ukoll dawk li jridu s-sistema ta’ taxxa l-istess għal kulħadd. Aħna dejjem konna ċari u konsistenti li ekonomiji żgħar bħal ta’ Malta jkunu l-aktar milquta, u se nibqgħu niġġieldu biex dan ma jseħħx.

Il-ħidma tagħna fil-Kumitat se tiffoka fuq x’miżuri għandhom jittieħdu biex jiġi indirizzat l-abbuż, u nassiguraw li l-liġi tkun osservata biex politiċi bħall-Ministru Konrad Mizzi ma jitħalliex qisu xejn mhu xejn, wara li nqabad li fetaħ kumpaniji sigrieti, waqt li l-accountants tiegħu wegħdu li jitfgħu fihom depożiti kull sena bi flus li jew ma kellux jew ma setax ikollu b’mod legali waqt li hu Ministru.”

Dan il-Kumitat speċjali se jservi wkoll biex jiddiskuti dak li sar mid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li ġiet Malta f’Diċembru li għadda, u li ppubblikat rapport iebes dwar is-saltna tad-dritt f’Malta f’Jannar.