Internazzjonali Xjenza u Teknoloġija

Stephen Hawking, wieħed mill-aqwa xjentisti ta’ dejjem, imut fl-eta’ ta’ 76 sena

Id-dinja tilfet wieħed mill-aqwa xjentisti ta' dejjem.

Ix-xjentist Stephen Hawking imut fl-eta’ ta’ 76 sena. Il-fiżiku Brittanniku ta’ fama mondjali kien magħruf specjalment għat-teoriji xjentifiċi u x-xogħol tiegħu dwar black holes u r-relattivita’, dan minbarra diversi kotba li kiteb fosthom ‘A Brief History of Time’.

Hawking jibqa’ magħruf għall-kapaċita’ tiegħu li għeleb l-isfida ta’ problemi fiżiċi. Fl-1963, fl-eta’ ta 22 sena, is-saħħa ta’ Stephen Hawking bdiet tbatti, hekk kif sar magħruf li kien qed ibati minn forma rari ta’ motor neurone disease, dik li llum taqa’ taħt il-kategorija ta’ kundizzjonijiet ALS. Din il-marda l-ewwel wasslitu għal-użu ta’ wheelchair, u wara anke kellu bżonn apparat speċjali biex ikun jista’ jitkellem.

“L-akbar għadu tal-għerf mhijiex l-injoranza, iżda l-illużjoni tal-għerf” – Stephen Hawking

Hu kien ta’ ispirazzjoni għal bosta, hekk kif minkejja dawn il-problemi f’saħħtu fejn ingħata snin qosra biss ta’ ħajja – hu għeleb kull riżultat mediku fejn baqa’ jikkontribwixxi fid-dinja tax-xjenza sa’ meta sfortunatament tħabbar il-mewt tiegħu kmieni dalgħodu. Stephen Hawking miet fid-dar tiegħu viċin l-Universita’ ta’ Cambridge fejn wettaq uħud mill-aqwa studji tiegħu dwar black holes u l-univers.

Il-konferma tat-telfa tiegħu ġiet ikkomunikata mit-tfal tal-Professur stess, Lucy, Robert u Tim, fejn qalu li Stephen Hawking miet fid-dar tiegħu stess f’Cambridge fir-Renju Unit, fis-sigħat bikrin tal-Erbgħa filgħodu.

Fl-istqarrija, huma tennew li jinsabu ferm imnikkta wara t-telfa tal-maħbub missierhom. Żiedu li hu kien xjentista kbir u raġel straordinarju fejn ix-xogħol tiegħu se jibqa’ ħaj għal numru twil ta’ snin. “Il-kuraġġ u l-persistenza tiegħu magħġuna mal-intelliġenza u l-umoriżmu tiegħu inspiraw nies minn madwar id-dinja kollha”. Kien hawnhekk fejn it-tfal ta’ Stephen Hawking kwotaw lill-missierhom fejn kien qal: “Ma tantx kien ikun jiswa’ l-univers, kieku mhux għax hu d-dar tan-nies li tħobb”.

Żiedu li huma jixtieq il-privatezza f’dawn iż-żminijiet diffiċli, fejn madanakollu żieda jgħidu grazzi lil kull min kien ammiratur tax-xogħol ta’ Stephen Hawking u li kienu ta’ appoġġ għalih tul ħajtu.

Il-ġgant fid-dinja tax-xjenza kien ukoll ħa sehem f’diversi serje tat-televiżjoni popolari, fosthom: The Big Bang Theory u The Simpsons, fejn fl-2014 kien ukoll ħareġ film dwar ħajtu bl-isem ta’ ‘The Theory of Everything’.

L-Amministrazzjoni Amerikana għall-Aeronautika u l-Ispazju, NASA, ukoll fakkret il-ħajja ta’ Stephen Hawking – partikolarment meta fl-2014 mar fl-International Space Station:

Il-ħajja u l-kisbiet ta’ Stephen Hawking:

  • 1942: Twieled fit-8 ta’ Jannar, f’Oxford fl-Ingilterra
  • 1959: Beda jistudja fl-Universita’ ta’ Oxford, qabel ma kompla jistudja f’Cambridge fejn kiseb PhD
  • 1963: Sar magħruf li kien qed ibati minn motor neurone disease fejn ingħata sentejn biex jgħix
  • 1974: Ħareġ bit-teorija dwar il-black holes, l’ hekk imsejħa ‘Hawking radiation’
  • 1988: Ippubblika ktieb bl-isem ta’ ‘A Brief History of Time’, li nbiegħ għal aktar minn 10 miljun darba
  • 2014: Ħareġ il-film ‘The Theory of Everything’, dwar il-ħajja ta’ Stephen Hawking
  • 2018: Imut fl-eta’ ta’ 76 sena