Aġġornata
F’għalqa abbandunata qalb numru kbir ta’ residenzi u djar tan-nies, Pulizija u uffiċjali mit-taqsima tal-bomb disposal wettqu tfittxija għal splussivi wara li aktar kmieni ġew arrestati erba’ persuni b’konnessjoni mal-bomba li tpoġġiet taħt karozza fil-Fgura fl-4 ta’ Jannar li għadda, bomba li ma kinitx ħadet.
L-erba’ persuni ġew arrestati f’għalqa abbandunata u mimlija affarijiet għar-rimi u għall-iscrap, biswit Triq Għar Dalam, propju ftit ‘l isfel mid-daħla ta’ Għar Dalam.
Il-bomba kienet instabet taħt karozza tat-tip Mitsubishi fi Triq Sant’Antnin il-Fgura, karozza propjetà ta’ ċertu Mario Scicluna mis-Sannat Għawdex li jgħix f’din it-triq, raġel involut fin-negozju tal-karozzi.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li arrestat l-erba’ persuni – tlieta minn Birżebbuġa u wieħed mix-Xgħajra wara operazzjoni bl-għajnuna tas-Servizzi tas-Sigurtà u tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Matul il-ġurnata komplew isiru t-tfittxijiet fiż-żona ta’ Birżebbuġa u l-Qajjenza, anke permezz ta’ ħelikopter li baqa’ jittajjar biex jissorvelja ż-żona, bil-Pulizija jgħidu wkoll li kien hemm tfittixjiet oħra għaddejjin f’diversi postijiet relatati.
Fl-għalqa li fiha ġew arrestati l-erba’ persuni, kien hemm ammont kbir ta’ Pulizija li ma ħallewx lin-nies jersqu viċin, minħabba suspetti u possibiltà ta’ xi splussivi. Kien hemm ukoll membri mill-Forzi Armati ta’ Malta, uħud lebsin il-balaklava, biex jipproteġu l-identità tagħhom.
Meta l-bomba ma kinitx ħadet, il-Pulizija kienu ssejħu fuq il-post wara ħoss li ġie minn taħt il-karozza u qajjem suspett.
Sadanittant, waqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin, il-Pulizija qalu wkoll li l-Maġistrat tal-inkjesta nżammet infurmata bl-iżviluppi kollha.
Issa jmiss li dawn l-erba’ persuni, kollha rġiel, jiġu nterrogati fid-Depot tal-Pulizija biex fi żmien 48 siegħa jitressqu l-Qorti jekk jinstab li hemm biżżejjed evidenza kontrihom.
//= $special ?>FILMAT ESKLUSSIV: Ara l-karozza li taħta nstabet il-bomba fil-Fgura