Ambjent Lokali

AĠĠORNATA: Joħorġu verżjonijiet kuntrastanti dwar dak li seħħ fil-laqgħa tal-Bord tal-Ippjanar

10 Pulizija jissejħu f'laqgħa tal-Bord tal-Ippjanar

Il-laqgħa tal-Bord tal-Ippjanar li saret wara nofsinhar kienet waħda ferm ikkulurita, b’diversi battuti u għajjat, tant li f’ħin minnhom kellha tissejjaħ ukoll il-Pulizija.

Ikkuntatjat minn dan is-sit, iċ-chairman tal-Awtorita’ Vince Cassar spjegalna kif waqt is-smiegħ kien hemm membru tal-pubbliku li għolla leħnu u indirizza liċ-chairman tal-ERA b’ismu.

“Wara li ż-żagħżugħ deher li baqa’ jisfida, jien ordnajtlu joħroġ mill-kamra. Iżda ma riedx”.

Il-laqgħa damet siegħa wieqfa u kien hawn li ssejħu żewġ Pulizija.

Iż-żagħżugħ minn naħa tiegħu qed jgħid li l-Pulizija ħarġux bil-forza, u li l-uniku nuqqas tiegħu kien sempliċiment għaliex sejjaħ lil Victor Axiak b’ismu, u ma użax it-titlu Professur.

Aktar kmieni

Numru ta’ Pulizija issejħu miċ-chairperson tal-Awtorita’ tal-Ippjanar Vince Cassar wara li żagħżugħ ambjentalista sejjaħ liċ-chairperson tal-ERA Victor Axiak b’ismu, u ma rreferiex għalih bħala “Professur”.

Iż-żagħżugħ Robert Louis Fenech stqarr fuq Facebook “waqt li Konrad Mizzi għadu Ministru, jien spiċċajt imdawwar b’għaxar Pulizija sempliċiment għax għidt Victor Axiak, u mhux Professur Victor Axiak”.

Minħabba din l-insistenza ta’ Vince Cassar, il-laqgħa tal-Awtorita’ tal-Ippjanar spiċċat.

Id-diskussjoni kienet qed tiffoka fuq l-iżvilupp propost għal lukanda fil-bajja tal-Kalanka f’Dellimara.