Lokali

Anne Fenech maħtura Sindku ta’ San Pawl il-Baħar

Daniel Grima maħtur Viċi Sindku

Il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista Anne Fenech u Daniel Grima nħatru Sindku u Viċi Sindku ta’ San Pawl il-Baħar.
Huma nħatru fil-bidu ta’ laqgħa tal-Kunsill Lokali li saret il-Ħamis filgħaxija.

Il-ħatra tal-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista f’dawn iż-żewġ rwoli huwa pass ieħor fl-impenn tal-Partit Nazzjonalista li jassigura li r-rieda tal-elettorat fl-aħħar elezzjoni tal-Kunsill Lokali tkun rispettata.

Fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem għall-Kunsilli Lokali Robert Cutajar, Il-Partit Nazzjonalista jinnota b’sodisfazzjon li ġiet rispettata l-espressjoni demokratika u r-rieda tar-residenti ta’ San Pawl il-Baħar.

Il-Partit Nazzjonalista jittama li minn issa ‘l quddiem il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar ikompli jaħdem għall-aħjar interess tar-residenti f’din il-lokalità.

Ġimgħa ilu, il-Kunsillieri Laburisti u indipendenti tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar ħarġu ‘l barra minn laqgħa tal-Kunsill Lokali li matulha kellu jiġi elett Sindku ġdid għal din il-lokalità.

Is-Sindku ġdid kellu jiġi elett wara direttiva ċara u bil-miktub mid-Direttur tal-Kunsilli Lokali u mill-Ministru Owen Bonnici biex jinħatar Sindku skont il-liġi. Il-liġi tgħid li fl-eventwalità ta’ riżenja ta’ Sindku, għandu jinħatar it-tieni l-aktar persuna mill-istess partit li tkun ġabet voti.

Id-direttiva kienet ingħatat wara li l-Partit Nazzjonalista, permezz tas-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, kien ressaq mandat ta’ inibizzjoni u aktar tard rikors biex iwaqqaf lill-Gvern u lill-Partit Laburista milli jaħtfu f’idejhom il-Kunsill Lokali wara r-riżenja tal-eks Sindku Graziella Galea fl-10 ta’ Jannar li għadda. Dan hekk kif il-Partit Laburista ried ipoġġi Sindku Laburista, kontra kull intenzjoni tal-elettorat fl-aħħar elezzjoni.

Imma l-laqgħa tal-ġimgħa l-oħra li fiha kellu jkun elett Sindku ġdid, spiċċat daret f’laqgħa mimlija tfixkil, bil-Kunsillieri Laburisti u dawk indipendenti jqajmu sensiela ta’ point of orders bl-iskop li jtellfu l-laqgħa milli ssir kif suppost.

Daniel Grima nħatar Viċi-Sindku (Ritratt mill-arkivji)

AĠĠORNATA: Kunsillieri Laburisti u indipendenti jfixklu l-laqgħa biex ma jinħatarx Sindku ġdid