Ewropa Kultura Lokali Mużika Unjoni Ewropea

Assigurat sostenn lill-mużiċisti żgħażagħ Ewropej

Zammit Dimech jisħaq fuq il-bżonn ta’ aktar investiment fil-qasam tal-kultura

“Il-messaġġ tal-mużiċisti Maltin u dawk Ewropej sabiex l-Unjoni Ewropea tkompli toffri sostenn finanzjajru lill-mużiċisti żgħażagħ, instema. Issa jmiss li nassiguraw is-sostenibilità tal-orkestra taż-Żgħażagħ tal-Unjoni Ewropea kif ukoll li nkomplu ninvestu b’mod sħiħ fil-qasam tal-kultura.” Qal dan l-MEP Francis Zammit Dimech waqt dibattitu fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu dwar il-bżonn ta’ sostenn finanzjajru lill-Orkestra taż-Żgħażagħ tal-Unjoni Ewropea.

Il-mużiċisti Maltin kienu għamlu protesta fil-Belt Valletta sabiex jitolbu li l-Orkestra taż-Żgħażagħ tal-Unjoni Ewropea tkompli tingħata sostenn finanzjajru mill-Unjoni Ewropea. Zammit Dimech kien appoġġja din is-sejħa fil-Parlament Ewropew f’waħda mill-ewwel laqgħat tiegħu fil-Parlament Ewropew. Hu qal li kien tajjeb li l-appell tal-mużiċisti nstema’ anke għaliex il-mużika hi parti intrinsika mill-identità u mill-wirt rikk kulutrali tagħna l-Ewropej. “Din l-orkestra, permezz tal-mużika, tibgħat ukoll messaġġ ta’ għaqda u paċi; aspetti li fuqom hi wkoll msejsa l-Unjoni Ewropea,” żied Zammit Dimech. Hu enfażizza li l-kultura hi aspett importanti għall-Unjoni Ewropea u fakkar f’dak li qal wieħed mill-fundaturi tal-Unjoni Ewropea Jean Monnet. “If I had to do it again, I would begin with culture”.

Zammit Dimech, li hu membru tal-Kumitat tal-Kultura u li anke serva bħala Ministru tal-Kultura f’Malta, laqa’ b’sodisfazzjon l-aċċenn li sar fir-rapport tal-Kumitat tal-Kultura sabiex ikun hemm mużiċisti żgħażagħ mill-istati membri kollha, trasparenza fis-selezzjoni tal-muzicisti u enfażi fuq it-taħriġ u l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ. Hu fakkar li r-riżorsi finanzjarji provduti huma soluzzjoni temporanja u għalhekk issa sta għall-Orkestra taż-Żgħażagħ tal-Unjoni Ewropea li tfittex anke mezzi oħra ta’ sostenn lil‘hinn minn fondi Ewropej sabiex tassigura li tkun sostenibbli. Hu qal ukoll li kien ferm importanti li sar enfażi dwar il-bżonn li tingħata attenzjoni speċjali għal udjenzi żgħażagħ fil-kunċerti li jsiru. Żied jgħid “Nemmen bis-sħiħ li permezz tal-mużika, nistgħu nibgħatu messaġġ favur l-Ewropa fost iż-żgħażagħ.”

Fi tmiem id-diskors tiegħu, Zammit Dimech appella biex kif sar f’dan il-każ, isir sforz sabiex isir dak kollu possibli biex jinstabu mezzi sabiex jkun offrut aktar sostenn lill-settur tal-kultura għaliex minkejja l-potenzjal tas-settur, inkluż mill-aspett tat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta’ impjiegi, xorta jibqa’ l-każ li dan is-settur mhux dejjem jingħata l-attenzzjoni li jixraqlu u għalhekk jekk ma ninvestux aktar fir-riżorsi umani, nkunu qed inpoġġu dan is-settur f’riskju akbar.

Zammit Dimech saħaq li l-kultura hu settur ferm għal qalbu u jrid jagħmel dak kollu li jista’ mill-Parlament Ewropew biex jindirizza l-isfidi tas-settur. F’dan il-kuntest, għada se jorganizza taħriġ f’Malta bil-parteċipazzjoni tal-Youtube indirizzat lill-mużiċisti, kantanti u artisti biex jgħinom jagħmlu użu aħjar mir-riżorsi diġitali.