Ġurnalist tal-media indipendenti ġie mċanfar fi tmiem konferenza tal-aħbarijiet talli matulha għamel numru ta’ mistoqsijiet lill-Ministru Konrad Mizzi dwar il-kumpanija sigrieta tiegħu fil-Panama.
Il-ġurnalist tas-sit LovinMalta Tim Diacono għamel sensiela ta’ mistoqsijiet lill-Ministru, fosthom dwar jekk ġiex avviċinat mill-awtoritajiet tat-taxxa Maltin dwar il-kumpanija fil-Panama – speċjalment minħabba s-suspett ta’ evażjoni ta’ taxxa.
Pressat mill-ġurnalisti, Konrad Mizzi la ċaħad u lanqas ikkonferma jekk xi darba kienx avviċinat mill-awtoritajiet tat-taxxa dwar il-kumpanija fil-Panama, imwaqqfa minn Nexia BT u Mossack Fonseca.
Meta saru domandi ripetuti mill-ġurnalisti, il-Ministru sempliċiment qam u telaq ‘il barra.
Waqt li l-Ministru Konrad Mizzi kien ħiereġ ‘il barra, numru ta’ uffiċjali ta’ Konrad Mizzi ċċirkondaw lill-ġurnalist Tim Diacono u ċanfruh talli għamel xogħlu. Fost oħrajn, l-uffiċjali akkużaw lill-ġurnalist b’nuqqas ta’ professjonalità. Persuna oħra, li jirriżulta li hija l-Kap Eżekuttiv ta’ waħda mill-iskejjel tal-Ingliż, qalet li l-mistoqsijiet ma kienux f’posthom peress li l-konferenza tal-aħbarijiet saret biex tkun iċċelebrata “kisba kbira” (dwar l-ammont ta’ studenti barranin li qed jigħallmu l-Ingliż f’Malta).
//= $special ?>