Il-Greċja qed tirriskja li tkun sospiża mill-kompetizzjonijiet internazzjonali minħabba l-vjolenza li issa nfirxet sewwa fil-pajjiż.
Ir-rappreżentant tal-FIFA Herbert Huebel qal li serje bla tmiem ta’ inċidenti li laħqu l-qofol tagħhom meta president ta’ klabb niżel fil-grawnd b’pistola f’idu biex jipprotesta fuq gowl imħassar, huma inaċċettabbli.
Huebel qal li l-futbol fil-Greċja jinsab f’xifer l-irdum u li sospensjoni tal-Greċja mill-attivitajiet internazzjonali mhux xi ħaġa li impossibli ssir.
Huebel iltaqa’ ma’ uffiċjali tal-gvern Grieg kif ukoll ma’ uffiċjali tal-Federazzjoni tal-futbol wara l-inċidenti gravi li seħħew waqt il-logħba bejn PAOK u AEK Athens.
Intant il-gvern Grieg issospenda indefinitivament il-logħob tal-kampjonat wara li l-propjetarju ta’ PAOK Ivan Savvidis, Russu li għandu attivita’ kummerċjali kbira fil-Greċja, niżel fil-grawnd akkumpanjat minn għadd ta’ membri tas-sigurta’ personali tiegħu, fejn dan kellu wkoll pistola marbuta ma’ qaddu.
Anki l-organizzaturi tal-kampjonat Grieg bdew proċeduri dixxiplinari l-bieraħ kemm fil-konfront ta’ Savvidis kif ukoll tal-klabb ta’ PAOK.
Dawn il-passi dixxiplinari jistgħu jwasslu biex PAOK ikollom punti mnaqqsa jew anki jkunu relegati, filwaqt li Savvidis jista’ jeħel sospensjoni ta’ ħames snin.
Huebel qal li mhux tollerabbli li l-logħba tal-futbol tinżel f’dan il-livell. Hu saqsa kif jistgħu jiġu l-familji bit-tfal fl-istadiums meta jkun hemm l-armi tan-nar jiġru fl-idejn.
Wara l-laqgħat tal-bieraħ il-president tal-FA Griega Evangelos Grammenos qal li uffiċjali tal-kampjonat Grieg se jifformolaw dikjarazzjoni kontra l-vjolenza sat-23 ta’ Marzu, u wara dan il-gvern jirrevedi l-pożizzjoni tiegħu dwar jekk il-kampjonat jibqax sospiż, jew jekk ikunx jista’ jitkompla.
Grammenos qal li dan ir-rapport irid jiffoka fuq is-sigurta’ kemm fl-istadiums u anki barra.
Minn naħa tiegħu Huebel qal li hu se jlesti r-rapport tiegħu dwar dak li ra u l-laqgħat li kellu, u jippreżentah lill-FIFA fi żmien għaxart ijiem oħra.
Kelliem għall-gvern Grieg qal li huma jinsabu kuntenti bl-intervent dirett tal-FIFA biex titnaddaf din it-tebgħa sewda mill-futbol Grieg.
Il-FIFA tneħħi s-sospensjoni tal-Pakistan
Il-FIFA lbieraħ neħħiet is-sospensjoni fil-konfront tal-FA tal-Pakistan, sospensjoni li kienet imposta f’Ottubru li għadda minħabba indħil minn naħa tal-qorti tal-Pakistan.
Fi stqarrija l-FIFA qalet li matul dan ix-xahar il-federazzjoni tal-futbol tal-Pakistan reġgħet ħadet il-kontroll sħiħ tat-tmexxija u tal-uffiċċji tagħha mingħand l-amministratur li kien appuntat mill-qorti tal-Pakistan.
Minn issa ‘l quddiem uffiċjali u timijiet mill-Pakistan jistgħu jerġgħu jibdew jieħdu sehem f’attivitajiet internazzjonali, fosthom il-votazzjoni għall-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2026, votazzjoni li se ssir f’Moska fit-13 ta’ Ġunju li ġej.
It-tim nazzjonali tal-Pakistan ilu ma jilgħab logħba uffiċjali sa mis-sena 2015, u bħalissa jinsab fil-203 post fir-0rankings dinjija minn fost 211-il membru fi ħdan il-FIFA.
//= $special ?>