“Il-pajjiż għandu jkollu pjan fit-tul sabiex jibqa’ jkun kapaċi li jattira niċeċ ekonomiċi ġodda.”, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal dan waqt laqgħa mal-Malta Employers Association (MEA).
Dr Delia qal li pjan fit-tul iwassal għal tkabbir ekonomiku sostenibbli u għal ħolqien tax-xogħol ta’ kwalità aħjar. Huwa qal li fl-aħħar snin pajjiżna ma kienx qed jattira setturi industrijali ġodda, u għalhekk li qed jibqa’ dipendenti fuq is-setturi li kienu nħolqu qabel.
Il-President tal-Malta Employers Association Dolores Sammut Bonnici tkellmet dwar ir-riżors uman u kif sfortunatament għad fadal xogħlijiet fejn mhemmx ħaddiema bil-ħiliet meħtieġa sabiex jagħmlu dawn ix-xogħlijiet.
Hija tkellmet fuq l-importanza tas-sostenibbilità tal-industrija u li jkun hawn pjan fit-tul li jħares ‘il quddiem. Dan sabiex it-tkabbir ekonomiku jkun sostenibbli mingħajr ma jinħolqu riperkussjonijiet fuq is-settur tal-impjiegi Sammut Bonniċi qalet li jrid jinstab ukoll bilanċ aħjar bejn id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet ta’ min iħaddem.
Għal din il-laqgħa, l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar l-Ekonomija, is-Servizzi Finanzjarji u l-Innovazjoni Kristy Debono, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar id-Djalogu Soċjali, l-Volontarjat, is-Soċjeta Ċivili u l-Kuntatt man-Nies Hermann Schiavone u mill-President tal-Forum tal-Intrapriżi Żgħar u Medji tal-Partit Nazzjonalista (FSMEPN) Andrè Grech.
//= $special ?>