It-tieni edizzjoni tal-Malta World Music Festival se jkun qed jagħmel ir-ritorn tiegħu fit-18 u d-19 ta’ Mejju fil-Forti Sant Iermu ġewwa l-Belt Valletta. Fuq medda ta’ żewġt iljieli, sitt atti internazzjonali minn madwar id-dinja kollha se jkunu qed jesebixxu d-diversità, il-kobor, u l-vivaċità li x-xena mużikali moderna għandha x’toffri. Minn interpretazzjonijiet kontemporanji ta’ forom mużikali antiki għal espressjonijiet iżjed puri ta’ tradizzjonijiet folkloristiċi, l-iskeda għandha x’toffri lil entużjasti tal-mużika ta’ kull tip.
Fost l-artisti ta’ din is-sena jispikka l-kollettiv li ġie nnominat għal Grammy, Afro Celt Sound System, li se jkun l-att prinċipali matul il-kunċert tal-Ġimgħa. Maħluq minn Simon Emmerson lura fl-1996, Afro Celt Sound System huwa kollettiv b’bażi Ewropea u Afrikana li kien ta’ forza kompletament ġdida fil-mużika sa mill-bidu nett. Bil-bejgħ issa jilħaq iżjed minn miljun u nofs album u żewġ nominazzjonijiet għal Grammy s’issa, Afro Celt Sound System kienu fuq quddiem nett fit-twassil tal-worldbeat lill-massa, hekk kif ħadu sehem f’kunċerti u festivals madwar id-dinja kollha.
Fi stqarrija l-organizzaturi qalu li l-edizzjoni tal-2018 Malta World Music Festival jwiegħed li jieħu lil dawk in attendenza fuq vjaġġ mużikali espansiv tul iż-żmien, kulturi, u spazju. Jekk jogħġbok żur www.maltaworldmusicfestival.org għal iżjed informazzjoni.
//= $special ?>