Internazzjonali

Il-Libja toħroġ mandati ta’ arrest għal traffikanti tal-immigranti

Il-Libja ħarġet mandati ta’ arrest għal aktar minn 200 Libjan u barranin suspettati b’sehem f’network ta’ traffikanti tal-immigranti li qed jippruvaw għal ħajja ġdida fl-Ewropa.
L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Libjan qal li għandu talanqas 205 mandat ta’ arrest għal persuni involuti fl-organizzazzjoni ta’ attivitajiet konnessi mal-immigrazzjoni illegali u li huma suspettati dwar sehem fi traffikar ta’ bnedmin, minbarra każi ta’ omiċidju, stupru u tortura.
Dan ikkonfermah Seddik al-Sour, id-direttur tal-uffiċċju għall-investigazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali.
Iċ-ċirku tat-traffikanti allegatament jinkludi membri tas-servizzi tas-sigurtà, flimkien ma’ kapijiet tal-kampijiet fejn qed jinżammu l-immigranti. Issemmew ukoll uffiċjali mill-ambaxxati tal-pajjiżi Afrikani bażati fil-Libja.