Eluf ta’ nies ħarġu fit-toroq tal-kapitali, Praga, biex iwasslu messaġġ ta’ protesta għall-attakk tal-President Ċek Milos Zeman, fuq il-media lokali indipendenti.
Zeman, li għadu kemm kien re-elett President, tkellem il-ġimgħa l-oħra, waqt l-inawgurazzjoni fil-Kastell ta’ Praga, fejn ikkritika lill-istampa b’isimhom, fost akkużi li huma ‘ħarġu favur naħa kontra l-oħra’ waqt l-aħħar elezzjonijiet fir-Repubblika Ċeka’.
Akkuża oħra minn Zeman – sostenitur tar-Russja u li jħaddan politika kontra l-immigrazzjoni – kienet li l-istampa, ‘minbarra s-sens ta’ farovitiżmu, uriet ruħha imxaqilba lejn naħa partikulari’. Il-kummenti tiegħu wasslu biex diversi deputati tal-Oppożizzjoni li kienu preżenti għall-inawgurazzjoni jitilqu ‘l barra waqt l-eqqel taċ-ċerimonja.
Il-kummenti ta’ Zeman sadanittant qed iqanqlu rabja partikulari, anqas minn ġimgħatejn wara li l-ġurnalist investigattiv Jan Kuciak u t-tfajla tiegħu Martina Kusnirova nqatlu fid-dar tagħhom ‘il hinn minn Bratislava, fis-Slovakkja. L-assassinju doppju jidher li kien relatat għar-rappurtaġġ ta’ Kuciak dwar ir-rabtiet bejn il-mafja u l-amministrazzjoni tal-Prim Ministru Slovakk, Robert Fico.
Għalkemm l-unjoni bejn ir-Repubblika Ċeka u s-Slovakkja – bħala ċ-Ċekoslovakkja antika — spiċċat 25 sena ilu, iż-żewġ Stati, membri tal-Unjoni Ewropea, għadhom qrib ta’ xulxin.
Intant, folol ta’ Ċeki armati bil-bnadar, fl-aħħar sigħat, inġabru fil-Pjazza ta’ Wenceslas fi Praga – fejn fl-1989 kienu saru l-protesti kbar kontra l-komuniżmu waqt ‘ir-Rivoluzzjoni tal-Ħarir’ – fejn għajjtu kritika għall-President Zeman u l-Prim Ministru Ċek Andrej Babis.
In-nies riedu jwasslu messaġġ li ma jaqblux dwar il-kritika tal-President Ċek rigward l-istampa indipendenti. Huma sostnew li din il-kritika kapaċi twassal għal sitwazzjoni perikoluża f’pajjiżhom, u b’mod partikulari għas-sigurtà tal-membri tal-media.
Dan wara li l-President Zeman kien attakka, speċifikament, it-Televiżjoni Ċeka indipendenti li hi entità tal-aħbarijiet pubblika u li d-direttur tagħha jinħatar minn kunsill li hu elett mill-Parlament.
Intant, il-folol fi Praga kkundannaw id-diskors ta’ Zeman bħala ‘inaċċettabli’ u fissruh bħala ‘attakk fuq l-indipendenza tal-media u l-ħelsien tal-pajjiż’.
//= $special ?>


