Internazzjonali

Irriżenja l-Prim Ministru tas-Slovenia

Miro Cerar (lemin) hekk kif mar biex jagħti r-riżenja tiegħu minn Prim Ministru lill-President tas-Slovenia Borut Pahor (xellug) f'Ljubljana.

Miro Cerar ħabbar li kien qed jirriżenja minn Prim Ministru. Dan wara li assuma r-responsabbiltà politika wara deċiżjoni tal-Qorti Suprema.
Deċiżjoni li annullat ir-riżultat tar-referendum li sar is-sena li għaddiet. Dan wara li nstab li l-Gvern kellu vantaġġ leali fir-referendum wara li uża 95,000 ewro minn fondi pubbliċi biex jappoġġja l-kampanja tiegħu fir-referendum. Ir-referendum kien dwar proġett ta’ linja tal-ferrovija li kellu jiswa mal-biljun ewro u kien l-akbar program ta’ investiment tal-Gvern ta’ Cerar. Hu qal li kien se jibqa’ fil-poter sakemm ikun hemm Gvern ġdid.
Fis-Slovenja trid issir l-elezzjoni f’Ġunju u hemm possibbiltà li din issa ssir qabel iż-żmien minħabba r-riżenja. Ħafna fis-Slovenja kienu mħassba li l-prezz tal-proġett kien għoli wisq u li l-Gvern ma kienx mexa sew fil-kampanja għaliex approfitta mill-pożizzjoni tiegħu biex influwenza l-opinjoni pubblika. Grupp mis-soċjetà ċivili kien fetaħ rikors quddiem il-Qorti Suprema dwar hekk u sostna li l-Gvern kellu vantaġġ mhux ġust fil-kampanja tar-referendum u kien uża mal-95,000 ewro għalhekk minn fondi pubbliċi.