Internazzjonali

L-Alleati jikkundannaw l-attakk bil-kimika fuq l-eks-spjun Russu fir-Renju Unit

Il-Prim Ministru Britanniku Theresa May u l-Mexxejja tal-Ġermanja, Franza, l-Istati Uniti qalu li mhemm ‘l-ebda spjegazzjoni alternattiva li tagħmel sens’ għas-sitwazzjoni fejn eks-spjun Russu spiċċa mira ta’ attakk bil-kimika (nerve agent) f’territorju tar-Renju Unit.

Dan meta l-mexxejja ma naqsux milli jirreferu għall-indikazzjonijiet li r-Russja kienet wara dan l-attakk, filwaqt li kundannaw ‘l-ewwel użu offensiv ta’ nerve agent fl-Ewropa mit-Tieni Gwerra Dinjija ‘il hawn’. L-istess mexxejja qalu li l-azzjoni kellha titqies daqslikieku ‘assalt fuq is-sovranità tar-Renju Unit’.

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump qal li ‘l-affarijiet qed juru li r-Russja kienu wara l-attakk ta’ jiem ilu’ fuq l-eks-spjun Sergei Skripal u bintu Yulia f’Salisbury. Srkipal u bintu fil-preżent jinsabu l-isptar f’sitwazzjoni kritika waqt li Trump fisser iċ-ċirkustanzi bħala ‘ta’ swied il-qalb’ hu u jisħaq li l-Istati Uniti qed tieħu s-sitwazzjoni b’serjetà kbira.

Ir-Renju Unit keċċiet numru ta’ diplomati Russi, b’Theresa May issostni, waqt żjara fis-sit fejn seħħ l-attakk, li ‘l-Britanniċi qed iżommu lir-Russja responsabbli għall-azzjoni sfaċċata u deplorevoli f’Salisbury’.

Ir-Russja ċaħdet kull involviment u ħalfet li tirreaġġixxi malajr għat-tkeċċija ta’ 23 diplomati minn Moska li r-Renju Unit qed takkużahom bħala spjuni.