Lokali

L-edukazzjoni tibqa’ prijorità tal-Partit Nazzjonalista

L-Edukazzjoni tibqa’ waħda mill-prijoritajiet fil-ħidma politika tal-Partit Nazzjonalista għax hu biss bl-Edukazzjoni li pajjiżna jista’ jgawdi minn Professjonisti speċjalizzati.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jindirizza l-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Forum fi ħdan il-Partit Nazzjonalista ddedikat għall-Professjonisti (FPPN), li nżammet fid-Dar Ċentrali.

Adrian Delia fakkar kif pajjiżna llum qed igawdi minn ħidmet il-Professjonisti grazzi għall-investiment fl-Edukazzjoni minn Gvernijiet Nazzjonalisti differenti. Għaldaqstant, appella lill-Gvern biex jara li l-Edukazzjoni tkompli tinżamm prijorità.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif il-Partit jemmen li l-kwistjonijiet li l-Gvern kellu fl-aħħar xhur mal-Union tal-Għalliema u mat-tmexxija tal-MCAST m’għandhomx jibqgħu għaddejjin għax juru kemm il-Gvern Laburista m’għandux viżjoni għal settur daqstant importanti.

Matul il-Laqgħa Ġenerali Annwali kien elett il-Kumitat il-ġdid tal-FPPN, immexxi minn Graham Bencini bħala President, Mariella Mercieca u Martini Musumeci bħala Viċi Presidenti, u Francesca Zarb bħala Segretarju Ġenerali. It-Teżorier hu Owen Bugeja, is-Segretarju Internazzjonali hu Alfred Braddick u s-Segretarju Informazzjoni (PRO) hu Angelo Micallef.

Denise Ellul Martin u Silvio Brincat intagħżlu bħala Rappreżentanti tal-Forum fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.

Sadanittant, fil-jiem li għaddew, kien elett ukoll il-Kumitat il-ġdid tal-Fergħa fi ħdan il-Partit Nazzjonalista għan-Negozji Żgħar u Medji, fejn Andre’ Grech kien elett bħala l-President, Mario Rosso bħala Viċi President, Marie Claire Zammit Bonello bħala Segretarju Ġenerali u Cedric Valletta bħala Teżorier.

Bħala Segretarju Internazzjonali ġiet eletta Gillian Farrugia Pace, filwaqt li James Cassar ġie elett bħala Segretarju Informazzjoni (PRO).