Lokali

L-INĊIDENT FATALI TAL-GŻIRA: Bid-daqqa t-tfajla għoliet madwar sular

Stephanie Rapa kienet mietet ftit wara li daħlet l-isptar

Quddiem il- Maġistrat Anthony Vella, dalgħodu beda jinstema’ l-każ tat-tfajla li mietet f’inċident tat-traffiku f’Ottubru li għadda f’The Strand il-Gżira.

L-akkużat hu Anthony Chircop, ta’ 42 sena, residenti s-Swieqi.

Fis-seduta tallum xehed l-Ispettur Jonathan Ramsley li spiega kif minn filmati tas-CCTV li ġew elevati mill-Pulizija, il-vettura tal-akkużat tidher tagħmel u-turn, u ssuq b’veloċita’ fid-direzzjoni ta’ Tas-Sliema.

Kien propju f’dan il-ħin li l-vettura tidher tgħolli lit-tfajla madwar sular.

Bid-daqqa, il-vettura tat-tip Nissan ġarrbet ħsarat fuq il-windscreen u saħansitra infetħu l-airbags.

It-tfajla Stephanie Rapa, spiżjara li kienet għadha kif bdiet il-kors tal- mediċina, mietet ftit wara li ddaħlet l-isptar Mater Dei kawża tal-ġrieħi li ġarrbet.

L-Ispettur Ramsley spiega kif l-akkużat ta’ verżjonijiet differenti u li ma kienux jaqblu ma’ dak li deher fis-CCTV. Is-sewwieq lanqas induna li laqat persuna u deherlu li kein laqat oġġett. Fil-post kien hemm marki twal tal-brejkijiet li komplew jindikaw il-veloċita’ eċċessiva.

Waqt li kienet qed tingħata din ix-xiehda kien hemm preżenti fl-awla l-ġenituri tal-vittma.

L-avukat Joe Giglio deher parte civile għall-familja ta’ Stephanie Rapa.