Lokali

L-MEP’s tal-Partit Nazzjonalista jivvotaw kontra sistemi ta’ tassazzjoni komuni

Waqt sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew, it-tliet MEP’s tal-Partit Nazzjonalista David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech ivvotaw kontra u esprimew tħassib serju dwar ir-Rapporti tal-Parlament Ewropew għall-introduzzjoni ta’ Taxxa Komuni u Taxxa Konsolidata għall-Kumpaniji.

Huma qalu li filwaqt li jemmnu fit-trasparenza u fil-ġlieda kontra l-frodi fit-taxxa, dawn il-miri ma jinkisbux bid-dħul ta’ dawn it-tip ta’ miżuri. L-Ewroparlamentari tal-PN qalu li l-Unjoni Ewropea mhux zona uniformi u mhux kull reġjun għandu l-istess realtajiet ekonomiċi, kemm fejn jidħol id-daqs tas-suq domestiku kif ukoll fejn jidħlu realtajiet ġeografiċi u riżorsi.

Huma qalu li l-taxxi ta’ din ix-xorta għandhom jibqgħu kompetenza tal-Istati Membri fuq bażi nazzjonali għaliex jirreflettu l-ekonomiji differenti tal-Istati Membri.

“Aħna nemmnu li t-triq ta’ ‘one-size-fits all’ mhux it-triq ‘il quddiem għaliex ekonomiji żgħar bħal dik Maltija ikunu dawk li jsofru l-iktar”, qalu l-Ewroparlamentari tal-PN, “Aħna minn dejjem iddefendejna u se nibqgħu niddefendu s-sistema tat-tassazzjoni Maltija li ilha hemm minn qabel id-dħul ta’ Malta fl-UE. Aħna se nibqgħu iffukati li neliminaw l-abbużi f’din is-sistema u niġġieldu kull tentattiv biex Malta tiġi ttimbrata bħala ‘tax haven'”