Ninsab fiduċjuż li fil-Maratona Ġbir ta’ Fondi li se tinżamm fil-25 ta’ Marzu, il-poplu se jerġa’ jwieġeb għas-sejħa tal-Partit Nazzjonalista u jgħinu fil-ħidma politika tiegħu ħalli jkun il-Partit Pożittiv u l-Oppożizzjoni b’Saħħitha li għandu bżonn il-pajjiż.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt laqgħa mar-rappreżentanti tal-Kumitati Sezzjonali tal-Partit, fejn ħa l-okkażjoni wkoll biex jirringrazzjahom għall-impenn li dejjem jagħtu biex il-messaġġ tal-Partit jasal aktar fil-lokalitajiet.
Adrian Delia qal li l-membri tal-Kumitati Sezzjonali huma l-Ambaxxaturi tal-Partit Nazzjonalista, partikolarment biex ikun pont bejn in-nies u l-Partit. Hu sostna li għalih, il-Kumitati Sezzjonali m’għandhomx jissejħu biss f’każ ta’ xi Maratona u hu għalhekk, li laqgħat bħal din qed jinżammu b’mod regolari fid-Dar Ċentrali.
Fil-fatt, minn żmien għal żmien, il-Kumitati Sezzjonali qed ikollhom laqgħat regolari mat-tmexxija tal-Partit, bl-għan li jispjegaw lill-Amministrazzjoni bil-problemi li qed jiltaqgħu magħhom waqt il-ħidma fil-lokalitajiet.
Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista għadu qed jaffaċċja l-isfidi finanzjarji u għalhekk, hu importanti li jkun mgħejjun fil-ħidma tiegħu.
Qal li hu ta’ sodisfazzjon għalih bħala Kap tal-Partit li jara l-entużjażmu li Maratona bħal din iġġib magħha għax jemmen li dan jista’ jinfirex fost dawk li għandhom għal qalbhom il-ħidma tal-Partit b’risq pajjiżna.
//= $special ?>