Internazzjonali

SLOVAKKJA: Il-President jaċċetta r-riżenja tal-Prim Ministru Fico

Andrej Kiska, il-President tas-Slovakkja aċċetta r-riżenja tal-Prim Ministru Robert Fico. Dan wara li l-Prim Ministru Slovakk aċċetta r-responsabbilta politika tal-qtil ta’ ġurnalist investigativ ix-xahar li għadda.

Qtil li wassal għal protesti kbar fit-toroq tal-pajjiż kif ukoll ir-riżenja ta’ żewġ Ministri u anki uffiċjali għolja qrib il-Prim Ministru.

Il-ġurnalist, Jan Kuciak, kien jikteb dwar il-korruzzjoni u ftit qabel ma nqatel kien qed jikxef kif il-Mafja Taljana kienet infiltrat il-pajjiż u stabbiliet kuntatti ma’ persuni qrib Fico.

Issa l-partit ta’ Fico, is-Smer-SD, kellu jressaq kandidat ġdid biex jieħu post fico bil-favorit ikun Peter Pellegrini, id-Deputat Prim Ministru.

Barraminhekk kien svelat li terz ta’ dawk li kienu parti mill-Gvern ta’ Fico se jinbidlu.

Fico kien spiċċa taħt pressjoni kbira wara l-qtil fil-25 ta’ Frar ta’ Jan Kuciak u l-għarusa tiegħu qrib Bratislava. S’issa ħadd ma spiċċa arrestat b’rabta mal-qtil. Kien hemm grupp ta’ Taljani li kienu arrestati fl-ewwel ġranet tal-qtil imma dawn inħelsu ftit wara.

Il-Pulizija temmen li l-qtil ta’ Kuciak aktarx kellu x’jaqsam mal-kitba tiegħu dwar ir-rabtiet bejn politiċi Slovakki u l-Mafja Taljana.

Minħabba dak li ġara, il-Gvern ta’ koalizzjoni mmexxi minn Fico nhar it-Tnejn kien se jħabbat wiċċu ma’ vot ta’ sfiduċja. Il-Ministru tal-Intern Robert Kalinak u l-Ministru tal-Kultura Marek Madaric kienu diġa riżenjaw mill-Gvern b’reazzjoni għall-qtil. Fico kien ilu fil-poter mill-2012.

Anki l-istess President tas-Slovakkja, Andrej Kiska, kien stqarr li l-Gvern ma setax ikompli għaddej qisu xejn mhu xejn wara l-qtil tal-ġurnalista u kien hemm il-bżonn li xi ħaġa ssir anki jekk din kellha tieħu l-forma ta’  elezzjoni bikrija.