Lokali Parlament

AĠĠORNATA: Tibda tiddejjaq it-triq prinċipali tal-Mellieħa; iżda l-Gvern jagħmel u-turn

Id-deċiżjoni tal-Gvern li jdejjaq il-bypass tal-Mellieħa ġiet imfissra mid-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar bħala “pastażata u oxxenità”.

Fl-aħħar jiem diversi residenti Melleħin kellmuna fuq dak li għaddej fil-bypass li tagħti lejn l-Għadira fejn tiela’ binja kbira li għalqet parti minn waħda mill-karreġġjati, b’rapporti jgħidu li dan se jkun b’mod permanenti.

Kien biss wara l-artikli fil-media li ħareġ jitkellem il-Ministru Ian Borg, fejn hu ċar li l-Gvern issa se jagħmel u-turn. “Ordnajt li tinstab soluzzjoni biex din l-arterja prinċipali ma tiċċekkinx minn erba’ korsiji għal tlieta”.

Aktar kmieni

Ir-rabja tant kienet kbira li inbdiet petizzjoni online indirizzatha lill-Prim Ministru, il-Ministru tat-Trasport, il-Kap tal-Opposizzjoni, Ministri u Membri Parlamentari tat-12-il Distrett, is-Sindku tal-Mellieħa u l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa.

“Ħallu għand il-poplu dak li hu tal-poplu u lin-negozjant dak li hu tan-negozjant! Minn meta nstemgħat din li triq prinċipali tiddejjaq biex minnha jgawdu ftit spekulaturi?”, qalu dawk li fasslu l-petizzjoni.

“Hands off Mellieħa! Ħadtulna biżżejjed diġa!”