Lokali

Ħabta bejn tliet karozzi f’Birżebbuga tħalli żagħżugħ ferut bi ġrieħi gravi

Ritratt mill-arkivji
Żagħżugħ ta' 21 sena residenti l-Marsa sofra ġrieħi gravi

Ħabta bejn tliet karozzi lbieraħ filgħaxija u li fiha kienu involuti erba’ minn nies tħalli raġel ferut bi ġrieħi gravi.

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-10.15pm, fi Triq Ħal Far f’Birżebbuġa. Jidher li żewġ karozzi tat-tip Hyundai Accent u Volkswagen Golf ħabtu, bil-konsegwenza li l-Hyundai wara ħabtet ukoll ma’ Suzuki Swift.

Is-sewwieq tal-Volkswagen li għandu 21 sena u hu residenti l-Marsa sofra xi ġrieħi u għaldaqstant kellu jittieħed l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza.  Aktar tard, huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi, filwaqt li r-raġel li kien qed isuq il-Hyundai, li għandu 54 sena, residenti Ħal Qormi ma sofra l-ebda ġrieħi.

Fit-tielet karozza involuta kien hemm mara ta’ 27 sena li toqgħod Ħal Kirkop kienet qiegħda ssuq il-vettura tat-tip Suzuki u magħha kien hemm passiġġier ta’ 58 sena, wkoll residenti Ħal Kirkop.  Il-mara ma sofriet l-ebda ġrieħi filwaqt li l-passiġġier kellu jingħata l-kura meħtieġa f’ċentru tas-saħħa.

Fuq il-post issejħu wkoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu.

L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja.