Futbol Sport

Birkirkara lura għar-rebħ

Edward Herrera ssikkat minn Andrè Scicluna (Ritratt: Domenic Aquilina)

Rapport: James Aaron Ellul

TARXIEN R…………………1

BIRKIRKARA……………..3

Tarxien: A. Cassar, S. Radovanovic, E. Baker, G. Aqulina, L. Grech, A. Scicluna, S. Tounkara, W. Viera (G. Mackay 94’), E. Calin, R. Faria, S. Cipriott (B. Traore 68’)

Birkirkara: K. Naumovski, C. Attard, L. Maia, F. Barbosa, K. Zammit, M. Andelkovic, J. Grech (T. Agius 80’), E. Herrera (O. Rolovic 84’), R. Scicluna, C. da Silva (N. Borg 89’), W. Acosta Ferreira

Imwissija: S. Cipriott 65’ (T), L. Maia 71’, K. Naumovski 83’, R. Scicluna 86’ (B)

Skorjaw: R. Faria 15’ (T), W. Acosta Ferreira 35’, J. Grech 41’, 71’ (B)

Referee: Malcolm Spiteri

Assistenti Referees: Alan Camilleri, Thomas Debono

Attendenza: 251

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Mislav Andelkovic (Birkirkara)

Wara t-telfa kontra Balzan ġimgħa ilu, Birkirkara rritornaw għar-rebħ wara li rkupraw minn gowl minn taħt biex għelbu 3-1 lil Tarxien Rainbows. B’din ir-rebħa l-karkariżi reġgħu jinsabu momentarjament fit-tielet post tal-klassifika, filwaqt li Tarxien baqgħu fit-taqtigħa kontra r-relegazzjoni.

L-ewwel azzjoni denja tal-partita waslet fl-10 minuta meta fawl fuq Lucas Maia ssarraf fi free-kick li kien mogħti minn Jake Grech. Ix-xutt ħabat mal-barriera bil-ballun jispiċċa f’saqajn Andelkovic li ra x-xutt b’saħħtu tiegħu jkun salvat minn Andrea Cassar.

Tarxien marru fil-vantaġġ wara kwarta logħob permezz ta’ Ricardo FARIA. Samba Tounkara beda azzjoni minn nofs il-grawnd u mix-xellug qasam b’mod faċli lejn Faria li għeleb lil Naumovski b’xutt fil-baxx.

Ir-reazzjoni ta’ Birkirkara waslet fil-31 minuta b’xutt ta’ Jake Grech li għadda ftit barra. Erba’ minuti wara Birkirkara ġabu d-draw b’daqqa ta’ ras tal-attakkant Waldemar ACOSTA FERREIRA li għola tajjeb biex għeleb lil Andrea Cassar.

It-tim ta’ Paul Zammit mar fil-vantaġġ sitt minuti wara, b’Jake GRECH jispiċċa waħdu ma’ Cassar u b’mod faċli tefa’ fir-rokna tax-xibka.

It-tim ta’ Jose Borg kellu ċans tajjeb li jġib id-draw ftit qabel is-siegħa logħob. Wellington de Oliveira Viera twaqqa’ minn Cain Attard fil-kaxxa. Mill-11-il metru nkariga ruħu Ricardo FARIA iżda Naumovski salva l-penalty kif ukoll ir-rebound tal-istess plejer.

Birkirkara għalqu l-logħba fil-71 minuta meta f’kontrattakk, Andelkovic avvanza sal-kaxxa u qassam lil Jake GRECH li xxuttja b’saħħtu fir-rokna tal-lasta avversarja.

Bil-partita deċiża, Birkirkara marru qrib ir-raba’ gowl fit-78 minuta iżda Andrè Scicluna biegħed il-ballun minn fuq il-linja daqqa ta’ ras ta’ Acosta Ferreira.