Sport Sport Ieħor

ĊIKLIŻMU: Imnedija l-24 edizzjoni tat-Tour ta’ Malta

L-24 Edizzjoni tat-Tour ta’ Malta taċ-ċikliżmu ser issir bejn it-22 u l- 25 ta’ Marzu 2018 fejn huwa mistenni numru rekord ta’ partecipanti barranin b’mod partikolari ċiklisti nisa.

Fl-edizzjoni ta’ din is-sena ser jieħdu sehem 23 team fosthom 7 minn Malta. Dettalji ingħataw miċ-chairman tal-Kumitat Organizattiv John Zammit u mis-Segretarju Joe Bajada fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-isport Clifton Grima, Jack Schiavone għall-isponsors ewlenin The Cyclist u l-ufficjali Karl Naja u Daniel Borg Olivier.

Il-maġġoranza tal-klabbs barranin huma mill-Ingilterra u 1-Italja. Ma’ dawn ser jieħdu sehem ukoll fuq bażi individwali, ċiklisti barranin minn diversi pajjiżi oħra.

L-24 edizzjoni tat-Tour ta’ Malta 2018 ser tkun fuq erbat ijiem.

L-ewwel tappa ser tkun tikkonsisti f’Individual Time Trail fuq iċ-ċirkwit tal-iMtarfa fuq distanza ta’ 12-il kilometru, it-tieni gurnata, fuq distanza ta’ 83.3 kilometru ser tkun fil-Bypass ta’ San Pawl il-Bahar, it-tielet tappa fuq distanza ta’ 60 kilometru ser issir fuq iċ-ċirkwit tal-Bypass ta’ Ħaż-Żebbug u fir-raba’ gurnata hija tellieqa ta’ 88 kilometru fuq iċ-ċirkwit ta’ San Martin.

B’kollox ser ikun hemm tliet kategoriji ta’ ciklisti: Elite, tan-Nisa u Masters ta’ ‘l fuq minn 40 sena.