Lokali Sport

FILMAT: “Fadal xi jsir” għal sportivi żgħażagħ li jkunu jridu jkomplu jitħarrġu

“Fadal ħafna xi jsir biex ma nitilfux atleti wara li jagħlqu 16-il sena” – Is-Surmast tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport

Wara li jtemmu l-edukazzjoni sekondarja, qed jintilfu ħafna atleti minħabba l-isfidi li jsibu, u għalhekk jeħtieġ impenn akbar biex atleti żgħażagħ jibqgħu attivi fl-isport meta jtemmu l-edukazzjoni sekondarja.

Qal dan ma’ NET News is-Surmast tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport George Micallef, waqt konferenza organizzata mill-iskola dwar dik li qed tissejjaħ id-‘dual career path’, jiġifieri sistema fejn fl-iskola, apparti s-suġġetti akkademiċi, jistudjaw ukoll l-isport fuq livell professjonali.

Imma meta jlestu l-edukazzjoni tagħhom fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport, qed ikun hemm atleti li jieqfu jagħmlu l-isport minħabba d-diffikultajiet li jsibu.

“Bejn l-età ta’ 16 u 20 sena qed nitilfu ħafna atleti. Għaliex hija diffiċli ħafna li nkunu flessibbli ma’ dawn l-istudenti propju meta jispiċċaw is-sekondarja. U naħseb li lkoll irridu naħdmu flimkien biex nagħmluha aktar ħajja flessibbli u ma nitilfux iktar talent. Qed jintilef wisq talent bejn is-16 u l-20 sena – u hemm naħseb li huwa pass li jmiss. Naf li hemm ċertu istituzzjonijiet post-sekondarji li bdew jipprovaw jindirizzawha, però għad fadal ħafna xi jsir”, qalilna s-Sur George Micallef.

Imma hemm studenti tal-iskola nazzjonali tal-isport, li għalihom, ir-rutina impenjattiva tal-istudju u t-training, hija xi ħaġa li maż-żmien irnexxielhom jidraw. Fosthom Clive Camilleri li jittrenja l-judo, u Giada Scicluna li tittrenja l-atletika.

“Għall-bidu sibt diffikultà biex inlaħħaq mal-iskola u mal-isport, imma time management tqassam kollox kif suppost u żżomm il-ħinijiet puntwali,” qalilna Clive.

“Jien nipprova nagħmel li nlaħħaq kollox li jkolli ħin għalija, ħin għall-isport, ħin għal sħabi, ħin għal kollox. Tant drajt ir-rutina li sibtha normali għalija issa. ‘Il quddiem nisperaw li forsi mmorru l-olimpjadi,” żiedet tgħid Giada.

L-iskop tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport huwa l-bilanċ bejn dak akkademiku u dak sportiv. Waqt il-konferenza, dwar l-appoġġ li għandhom jingħataw dawn l-istudenti-atleti, tkellmu numru ta’ sportivi professjonali dwar l-esperjenzi tagħhom – fosthom il-plejer tal-waterpolo Stevie Camilleri.

Għall-konferenza attenda wkoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-edukazzjoni Clyde Puli, li qal li l-Iskola Nazzjonali tal-Isport tirrikonoxxi li t-tfal u ż-żgħażagħ għandhom ħiliet differenti, u jridu jingħataw ħiliet li huma relevanti mhux biss għall-abilitajiet tagħhom imma anke għas-seklu 21.

“Il-kwistjoni tad-dual path hija importanti ħafna anke in konjizzjoni wkoll tar-rapport tal-bank dinji li jgħid li għandna numru kbir ta’ tfal li jbatu f’dak li huwa qari u matematika. Aħna ma jistax ikollna dan it-tip ta’ riżultati għax dawn ikunu qed jikkreaw diżugwaljanzi. Skola bħal din tagħti l-opportunitajiet biex tnaqqas id-diżugwaljanzi, allura rridu iktar u mhux inqas minn dawn l-affarijiet”, qal Clyde Puli f’kummenti ma’ NET News.

Clyde Puli temm jgħid li l-Iskola Nazzjonali tal-Isport, imwaqqfa fl-2012, hija eżempju ċar ta’ viżjoni wiegħsa għall-edukazzjoni. Temm jappella biex il-Gvern jibqa’ jagħti importanza lil din it-tip ta’ edukazzjoni ħolistika.