“Irridu nkunu b’saħħitna għal dawk li jħarsu lejna għall-eżempju”. Hekk qaltilna Sister Annie Demergian, li bħalissa tinsab f’pajjiżna biex tqajjem kuxjenza dwar sitwazzjoni li għal ħafna qed issir normali.
Dan hekk kif il-gwerra fis-Sirja issa daħlet fit-tmien sena tagħha, fejn sa issa ħalliet aktar minn 400,000 vittma, fosthom tfal.
Sister Annie tinsab f’Malta fuq stedina tal-Aid to the Church in Need. Fis-Sirja, Sister Annie u sisters oħrajn mis-Sisters ta’ Ġesu’ u Marija, jaħdmu mhux biss biex jitimgħu u jlibbsu lil min m’għandux, iżda biex jgħinu lill-komunitajiet jinbnew mill-ġdid.
Waqt l-intervista ma’ NET News, Sister Annie tkellmet dwar l-esperjenzi tagħha, fosthom l-esperjenza kiefra li kellha tara lill-għeżież tagħha jmutu. Fost dawn kien hemm l-ikbar ħabib tagħha, li tilef ħajtu meta waqgħet rocket fuq id-dar tiegħu.
“Meta nagħlaq għajnejja qabel norqod, nerġa’ niftakar fih u t-tbissima sabieħa li kellu”, qaltilna Sister Annie.
Hi żiedet li hi stess kemm-il darba ħabtet wiċċha mal-mewt. “Ħrabna mill-mewt aktar minn darba. Tliet ġimgħa ilu waqgħat rocket fuq is-saqaf tal-Knisja, imma ma splodietx”.
“Mhux faċli li tibqa’ tgħix b’mod normali mingħajr ma tkun taf li l-mewt tista’ tieħdok meta trid”, qaltilna Sister Annie, li żiedet li għaldaqstant, hi u s-Sisters l-oħra jerħu ruħhom f’idejn Alla.
“Quddiem dan il-ħażen, ma tista tagħmel xejn ħlief li tafda f’Alla”, qaltilna. “Il-ħajja tkompli. Irridu nkunu b’saħħitna għal dawk li jħarsu lejna għall-eżempju”, temmet tgħid.
//= $special ?>