Ekonomija Ewropa Lokali Unjoni Ewropea Xjenza u Teknoloġija

Flimkien nistgħu ngħelbu l-atti kriminali online – Roberta Metsola

Flimkien, nemmen li nistgħu naslu biex insibu soluzzjonijiet li jippermettu li online, n-nies u l-kumpaniji jkollhom il-protezzjoni neċessarja, il-privatezza taċ-ċittadini tkun rispettata, iżda fl-istess ħin issir ġlieda kontra l-kriminali li jaħsbu li jistgħu jaħbu l-identità tagħhom. Dan qalitu l-MEP Roberta Metsola waqt dibattitu fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità online, magħrufa bħala cybercrime.

Roberta Metsola – li hi l-Koordinatriċi tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew fil-Kumitat li jiddiskuti l-ġlieda kontra l-kriminalità – spjegat kif matul is-snin, il-kriminali – inkluż dawk online – saru aktar organizzati. U dan għaliex sistemi li nħolqu bl-għan tajjeb li jgħinu lin-nies qed jintużaw b’mod ħażin, u jiġu abbużati.

Roberta Metsola temmet b’appell biex l-istati membri u l-assoċjazzjonijiet f’dan il-qasam jingħaqdu flimkien f’din il-ġlieda kontra l-kriminalità online.