Qattus ġnġer jista’ jġib fl-inkwiet lit-tim Tork ta’ Besiktas. Dan il-qattus deher fil-grawnd waqt il-logħba bejn Besiktas u Bayern Munich, logħba tieni leg tal-aħħar sittax tal-UEFA Champions League.
Ir-referee Ingliż Michael Oliver qabad il-ballun u waqqaf il-logħba sakemm il-qattus ħareġ u staħba wara l-bords ta’ pubbliċita’ li jkunu madwar il-grawnd.
Il-UEFA lbieraħ ħabbret li se jittieħdu passi kontra Besiktas li se jkunu akkużati b’nuqqas ta’ organizzazjoni adegwata.
L-inċident tal-qattus seħħ kmieni fit-tieni taqsima u minbarra fuq dan l-inċident, Besiktas se jkunu wkoll akkużati b’imġieba ħażina mill-partitarji tagħhom hekk kif dawn tefgħu diversi oġġetti fil-grawnd.
Bayern Munich rebħu din it-tieni leg bl-iskor ta’ 3-1 biex għaddew baggregate impressjonanti ta’ 8-1.